Hamza Gorai, Marokkin ta’ 27 sena li jgħix San Ġiljan, tressaq il-Qorti mixli b’akkużi relatati ma’ traffikar u pussess aggravat tad-droga, fost l-oħrajn.
Il-Prosekuzzjoni spjegat kif fl-aħħar xhur, il-Pulizija bdew iwettqu sorveljanza fuq nies Maltin u barranin b’rabta ma’ kriminalità organizzata u flus ġejjin minn sustanzi illegali.
L-Ispettur Mark Anthony Mercieca spjega kif jumejn ilu, il-Pulizija kellha suspetti raġjonevoli f’residenza f’San Ġiljan fejn ġiet innutata attività mal-jum u anki bil-lejl, b’ħafna nies deħlin u ħerġin.
Ir-rejd sar jumejn ilu waranofsinhar fejn l-akkużat instab fil-pussess tad-droga kannabis, kokaina u MDMA.
L-akkużat, li qal li jaħdem f’ristorant, wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
L-avukat difensur, Franco Debono, talab għall-ħelsien mill-arrest, u argumenta li l-imputat għandu fedina penali nadifa, għandu indirizz fiss, jinsab f’impjieg u kkopera mal-Pulizija.
Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat fid-dawl li l-imputat qed jiġi akkużat li jifforma parti minn grupp kriminali u peress li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin u mistennija jiġu arrestati aktar persuni fil-jiem li ġejjin.
Wara li semgħet is-sottomissjonijiet kollha, il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba l-gravità tal-akkużi u l-biża’ ta’ intralċ tal-provi.