Ħafna jitkellmu fuq Marlene Farrugia. Min ifaħħarha, min imaqdarha. Iżda ħadd għadu ma ferħilha tar-rekord li kisret!
Ir-rekord m’għandux jaqsam mal-platti tal-Banda li tant huma għal qalbha, (anke lili jogħġbu) Marlene Farrugia kisret rekord ieħor. Farrugia hija l-unika persuna f’Malta li rriżenjat minn tliet partiti differenti. Mhux milestone?
Irrizenjat mill-Partit Nazzjonalista, mill-Partit Laburista u issa minn dak li qed jissejjaħ il-Partit Demokratiku li flimkien mal-PN għaġnu l-farsa Nazzjonali, skużi, l-forza Nazzjonali ffurmata fl-aħħar elezzjoni ġenerali bejn Busuttil, hi u nies bħal Michael Bruguligio li ried isemma ftit leħnu /jidher ukoll (forza Nazzjonali li baqgħet fl-Oppożizzjoni).
Ovvjament dan jgħid ħafna fuq dak li jkun. Qisek qed tgħid titwieled iżomm mal-Juventus, wara tmur mal-Inter u minn mal-Inter tmur mal-Milan. Naħseb m’hemmx xi żżid.
Imma li hu ta’ Marlene trid tagħtih. Fil-kummiedja sħiħa li ma nafx kemm il-att fiha hemm element ta’ konsistenza.
Zgur li tiftakru li sa ftit tal-ġimgħat ilu l-istess Deputat Parlamentari (tal-PN?, tal-PD?, Indipendenti? … ??) tkellmet fuq kif il-Partit Nazzjonalista għandu jbiddel ir-regoli ta’ kif ikun elett il-Kap il-ġdid. Riedet ukoll tikkontesta għax kienet membru għal għomorha skonta fil-PN. Ir-risposta għal din ix-xewqa ħaditha minn bosta esponenti tal-istess Partit li fl-apert tkellmu kif kienet tkun ġennata li Farrugia titfa’ l-kandidatura tagħha.
L-element ta’ konsistenza ġej mill-fatt li l-istess Farrugia kienet għamlet l-istess fil-Partit Laburista fl-2008 ukoll wara r-rizenja tal-Mexxej Laburista ta’ dak iż-żmien Alfred Sant. Dakinhar kienet ukoll ippreżentat petizzjoni lill-President tal-Partit Laburista sabiex jinbidlu l-metodi kif jitla’ l-Mexxej tal-Partit Laburista.
Miniex se noqgħod nidħol fil-mertu tal-konsistenza ta’ Marlene fil-bdil tar-regoli, iżda fl-inkonsistenza tagħha li waslitha biex kisret rekord li f’Malta huwa diffiċli li jseħħ ieħor bħalu.
Tieqaf minn 3 partiti mhux ċajta.
Promise li kollox sew, l-aħwa.