L-MPE Marlene Mizzi rebħet premju internazzjonali prestiġjuż li ngħatalha waqt ċerimonja fi Brussell għall-ħidma eċċezzjonali u l-kontribut tagħha fil-qasam tal-protezzjoni tal-annimali.
Il-premju huwa organizzat kull sena mill-Eurogroup for Animals bħala rikonoxximent għal kisbiet individwali favur il-protezzjoni tal-annimali u d-drittijiet tagħhom. Iċ-ċerimonja tal-premjijiet laqqgħet stakeholders minn ħafna organizzazzjonijiet mill-UE, nazzjonali u internazzjonali, kif ukoll gvernijiet u decision makers biex jiddiskutu kif jista’ jiġi indirizzat titjib fil-benesseri tal-annimali fis-snin li ġejjin.
Bħala Viċi-President tal-Animal Welfare Intergroup, l-MPE Marlene Mizzi kellha rwol ewlieni biex tiġbor appoġġ politiku u tippromwovi kwistjonijiet marbutin mal-benesseri tal-annimali fuq livell Ewropew. Fl-2016 hija tellgħet ukoll il-konferenza “Rights of the Voiceless” f’Malta biex tqajjem għarfien u għenet biex tnediet l-Animal Welfare Platform – biex ikun promoss il-benesseri tal-annimali ta’ kumpanija u biex jittieħdu inizjattivi ġodda biex u jingħelbu l-problemi relatati mal-kummerċ ta’ annimali eżotiċi bħala annimali domestiċi.
Marlene Mizzi kienet strumentali wkoll biex intalab studju Ewropew dwar “Il-Benesseri tal-Annimali fl-UE” u biex issir pressjoni u jitwaqqaf l-użu tal-annimali selvaġġi fiċ-ċirki fost l-oħrajn.
L-MPE Marlene Mizzi qalet li “huwa ta’ unur kbir għaija li nirbaħ dan il-premju prestiġjuż, mhux biss għalija imma għal Malta wkoll. Ninsab onorata li n-nies fdaw fija u fil-ħidma tiegħi bħala MPE fil-qasam tal-benesseri tal-annimali u l-protezzjoni tagħhom.”
“Nilqa’ dan il-premju bħala sinjal politiku, fejn ix-xogħol li għamilt ma sarx għalxejn u li issa huwa l-waqt li nieħdu pożizzjoni aktar b’saħħitha fuq il-promozzjoni tal-annimali u l-benesseri tagħhom. L-UE trid tagħti prijorità akbar lil ħafna kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-liġijiet dwar il-benesseri tal-annimali,” qalet Marlene Mizzi.
“Dan il-premju jpoġġi responsabbiltà kbira fuqi u jien se nkompli naħdem biex nippromwovi u nipproteġi l-benesseri tal-annimali fl-Ewropa bl-akbar devozzjoni u rieda b’saħħitha. Nddedika dan il-premju lill-annimali kollha – selvaġġi, tal-irziezet u domestiċi – li jbatu taħt idejn persuni krudili u bla skrupli,” qalet l-MPE Mizzi.