L-MPE Laburista Marlene Mizzi ospitat konferenza għolja fil-Parlament Ewropew fi Brussell, dwar l-opportunitajiet u l-isfidi tal-intrapreditorija fost in-nisa u l-impatt tagħha fuq is-suq tax-xogħol. “L-interess kbir u l-attendenza numeruża għal din il-laqgħa juru biċ-ċar l-importanza u r-relevanza ta’ dan id-dibattitu – li messu ilu li sar,” qalet l-MPE Mizzi.Il-parteċipanti kienu jinkludu lill-Ministru għax-Xogħol u l-Ġustizzja Soċjali Rumen, Marius-Constantin Budai, Membri tal-Parlament Ewropew, rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea u organizzazzjonijiet ta’ negozju. Waqt il-konferenza, l-istakeholders qajmu diskussjoni dwar l-isfidi u l-ostakli li jiffaċċjaw l-intraprendituri nisa, u ddiskutew soluzzjonijiet prattiċi li jippromwovu l-intraprenditorija fost in-nisa u jipprovdu ambjent intrapreditorjali aħjar għan-nisa.
Waqt l-avveniment l-MPE Marlene Mizzi saħqet li attività intrapreditorjali tista’ tagħti aktar setgħa lin-nisa biex jikkontrollaw u jagħżlu l-impjieg u l-istil ta’ ħajja li jridu. “Sfortunatament, għad m’hawnx intraprendituri nisa biżżejjed.” L-MPE Mizzi żiedet tgħid li jenħtieġu soluzzjonijiet prattiċi biex ngħinu lil intraprendituri nisa u n-negozju tagħhom li jkun għadu fl-ewwel passi tiegħu, meta jkun l-aktar vulnerabbli. L-MPE Mizzi hija Ambaxxatur għall-Erasmus għall-Ambaxxaturi Żgħażagħ tal-UE.
Fid-diskors tal-għeluq Marlene Mizzi emfasizzat li l-Ewropa għandha bżonn aktar nisa bi spirtu intraprenditorjali, b’ideat kreattivi, li huma lesti jibnu l-intraprenditorija tagħhom, jinvestu fil-futur tagħhom stess, bħala mutur għall-ħolqien tax-xogħol u t-tkabbir ekonomiku. Għaldaqstant, fix-xhur li ġejjin, l-importanza li l-policy-makers se jagħtu lil din il-kwistjoni biex jiġu żviluppati l-ħiliet intraprenditorjali għan-nisa hija kruċjali.
“Irridu niffaċilitaw l-aċċess għall-finanzi, għat-taħriġ, għall-ħiliet u tal-ġestjoni tar-riskju. Neħtieġu aktar coaching u mentoringpersonalizzati li jipprovdu appoġġ individwali għan-nisa. Għandna bżonn inżidu t-tkabbir u s-sopravivenza tal-prospetti għal negozji mmexxijin min-nisa u niżviluppaw pjanijiet strateġiċi li jgħinu biex in-negozji tagħhom jiġu sostnuti. Irridu nevalwaw ir-raġunijiet għaliex fis-suq tax-xogħol m’hemmx biżżejjed intraprendituri nisa. M’għandux jiġi sottovalutat il-kontribut lill-ekonomija li jistgħu jagħtu intraprendituri nisa,” qalet l-MPE Mizzi.