“Għandna nippruvaw nżommu lilna nfsuna lura milli nirreferu lejn il-lingwi mitkellma minn ftit bħala lingwi ‘żgħar’ meta mqabbla ma’ lingwi bħal Franċiż, il-Ġermaniż, l-Ingliż, it-Taljan u l-Ispanjol – iżda għandna għax nħarsu lejhom bħala lingwi ta’ valur kbir mitkellma minn ftit. M’għandux ikun hemm diskriminazzjoni bejn il-lingwi tal-Unjoni Ewropea,” qalet il-Membru Parlamentari Ewropew Marlene Mizzi. Mizzi qalet dan waqt sezzjoni tal-kumitat PETI fil-Parlament Ewropew waqt dibattitu dwar l-importanza tal-lingwa ta’ kull stat membru flimkien mal-użu tagħhom fis-sistema edukattiva tal-pajjiż.
Il-MPE Mizzi tisħaq li wieħed għandu dejjem jippromwovi l-lingwa kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll dak Ewropew. Dan ġie diskuss wara li ġiet mibgħuta petizzjoni minn ċittadin Bulgaru lill-kumitat PETI. Il-petizzjoni li ġiet mressqa hija waħda li tisħaq dwar il-bżonn li nippromwovu l-lingwa nazzjonali u li m’għandna qatt inħarsu lejn il-lingwa tagħna bħala waħda barranija. B’hekk wieħed għandu għax jagħfas fuq il-fatt li kull lingwa għandha tkun irrispettatha kemm fl-istituzzjonijiet Ewropej u kif ukoll fis-sistemi edukattivi fl-istati membri.
Fl-intervent tagħha l-Membru Parlamentari Ewropew għarrfet l-importanza tal-preservazzjoni tal-lingwa irrispettivament mid-daqs tal-pajjiż. Irrimarkat fuq il-fatt li l-lingwa tagħti sens ta’ individwalità lill-persuna; speċjalment għal dawk li jitilqu minn pajjiżhom sabiex jgħixu fi stat membru ieħor. Il-MPE Mizzi qalet ukoll li “hemm riskju li l-kultura tal-pajjiż minn fejn ġejja l-persuna tibda tintesa, dan għaliex tkun residenti permanenti f’pajjiż b’kultura differenti minn dik li tkun mdorrija fiha. Dan ir-riskju jikber hekk kif il-lingwa nazzjonali ma tibqax tintuża għaliex m’għadux jgħix f’art twelidu. B’hekk il-lingwa dejjem għandha tkun ppreservata.”
Bosta qablu ma’ dawn ir-rimarki abbażi tal-fatt li kull lingwa għandha l-importanza tagħha, irrispettivament minn fejn wieħed ikun qed jgħix. Kif ukoll, jista’ jkun hemm lok għal diskriminazzjoni jekk lingwa ma tiġix rikonoxxuta fis-sistemi edukattivi.
Il-pożizzjoni tal-MPE Mizzi hija waħda ċara, lingwa mitkellma minn ftit qatt m’għandha titlef il-valur tagħha. Dan huwa relevanti kemm għall-lingwa Maltija kif ukoll għall-lingwi oħra li huma meqjusa bħala lingwi mitkellma minn ftit. Huwa minħabba f’hekk li l-MPE Mizzi qablet mal-parir li din il-petizzjoni għandha tiġi diskussa fil-plenarja li jmiss.