Il-MPE Marlene Mizzi ospitat udjenza tal-S&D fil-Parlament Ewropew fuq opportunitajiet diġitali u l-isfidi li jiffaċċjaw iċ-ċittadini u l-konsumaturi Ewropej fil-qafas ġdid għal reviżjoni tal-Kodiċi tal-Komunikazzjoni Elettronika Ewropea.
Bħala l-kelliema tal-S&D responsabbli għas-settur tat-telekomunikazzjoni f’żewġ kumitati, is-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u Kultura u Edukazzjoni, Marlene Mizzi qalet: “Is-settur tal-telekomunikazzjoni huwa importanti għaċ-ċittadini Ewropej kollha. Għandna l-opportunità li nagħmlu bidla u progress reali fis-settur, biex niffaċilitaw il-ħajjiet diġitali, inrawmu l-innovazzjoni, il-kompetittività u t-tkabbir. Irridu ntejbu r-regoli eżistenti u nġibu benefiċċji reali għall-konsumaturi u ċ-ċittadini, billi fost l-oħrajn nipprovdu internet bażiku u affordabbli bħala dritt universali għal kulħadd.”
Fl-udjenza, stakeholders, Membri tal-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea ħadu sehem f’diskussjoni interessanti dwar il-kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mad-diġitalizzazzjoni tas-settur tat-telekomunikazzjoni u l-qasma diġitali li teżisti fis-soċjetà tagħna.
“L-internet jilgħab rwol importanti fil-ħajja ta’ kuljum tal-Ewropej kollha u jgħinhom jittrasformaw il-modi kif jikkomunikaw bejniethom. Minkejja l-importanza tiegħu, kont perplessa meta rrealizzajt li madwar 58 miljun ċittadin Ewropew (ta’ età bejn 16 u 74 sena) qatt ma użaw l-internet u madwar nofs il-popolazzjoni inqas edukata u l-anzjani ma jużawh regolarment. Il-qasma diġitali hija reali u qed teskludi parti kbira tas-soċjetà tagħna,” qalet l-MPE Mizzi.
Fl-udjenza Mizzi appoġġjat il-proposta tal-Kummissjoni biex ikun inkluż għall-ewwel darba f’leġiżlazzjoni Ewropea, obbligu li jkun ipprovdut internet affordabbli u aċċessibbli bħala dritt universali għaċ-ċittadini kollha.
L-Ewroparlamentari Maltija qalet li “bħala shadow rapporteur tal-S&D fuq żewġ kumitati separati, se nassigura li ċ-ċittadini jkollhom dritt għal konnettività tal-broadband affordabbli, li hija importanti biex nipprovdu inklużjoni soċjali lil dawk li, minħabba riżorsi finanzjarji limitati jew zona ġeografika, ma jistgħux jaċċessaw u jagħmlu użu minn servizzi bażiċi disponibbli għall-maġġorparti taċ-ċittadini”.