l-Membru Parlamentari Ewropew, Marlene Mizzi, ħeġġet lill-Istati Membri u lill-Unjoni Ewropea biex jissaħħu u jieħdu azzjoni immedjata fuq livel Ewropewj u nazzjonali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu waqt dibattitu fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu. “Għandna bżonn inkopru kull aspett ta’ dan ir-reat mill-agħar, minn prevenzjoni għal protezzjoni u prosekuzzjoni,” qalet Mizzi fid-diskors tagħha.
Il-Parlament Ewropew ivvota fuq regoli ġodda fil-ġlieda kontra t-terroriżmu li għandhom iwasslu biex jibdew jitqiesu bħala atti kriminali li tmur barra biex tingħaqad ma’ grupp terroristiku, ir-reklutaġġ għal skopijiet ta’ terroriżmu jew li pubblikament titkellem favur u tippromwovi t-terroriżmu. Ir-regoli l-ġodda jinkludu wkoll dispożizzjonijiet qawwijin dwar il-protezzjoni tal-vittmi tat-terroriżmu u l-familji tagħhom.
“Illum id-dinja qed tiffaċċja organizzazzjonijiet terroristiċi estremament aggressivi li l-mira tagħhom hija li joqtlu n-nies, ixerrdu l-biża’, idgħajfu s-soċjetajiet moderni u demokratiċi, u jheddu ħajjet in-nies. L-organizzazzjonijiet terroristiċi qed isiru aktar trans-nazzjonali, organizzati tajjeb loġistikament, iffinanzjati tajjeb,” qalet Marlene Mizzi waqt id-dibattitu fil-plenarja.
Sfortunatament, l-aħħar attakki terroristiċi kixfu n-nuqqas konsistenti ta’ miżuri tas-sigurtà u ta’ kordinazzjoni bejn is-servizzi tas-sigurtà, il-pulizija u l-awtoritajiet ġudizzjarji, fuq livelli nazzjonali u Ewropej. Mhux diffiċli tifhem għalxiex in-nies madwar l-Ewropa jinsabu mbeżżgħin u qed jistennew aktar mill-Ewropa u l-Istati Membri.
Aktar minn 80% taċ-ċittadini Ewropej iħossu li l-ġlieda kontra t-terroriżmu għandha tkun l-ewwel prijorità għall-Ewropa, skont maġġoranza vasta tal-persuni intervistati f’Eurobarometer speċjali tal-Parlament Ewropew.
“Naqbel bis-sħiħ maċ-ċittadini tagħna. Wasal iż-żmien li nintebħu li għandna wisq x’nitilfu hawn hekk – u n-nuqqas ta’ azzjoni mhix għażla! Huwa ta’ importanza assoluta li nsaħħu l-miżuri li diġà jeżistu u naġġornaw il-qafas legali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u n-networks terroristiċi. Naħseb li din il-proposta l-ġdida hija l-ewwel pass minn ħafna li jridu jittieħdu fil-ġlieda kontra t-terroriżmu,” qalet l-MPE Mizzi.