Marlene Farrugia qed tibqa tinsisti li għandu jkun hemm bidla fir-regoli għall-elezzjoni tal-Partit Nazzjonalista biex iktar nies ikunu jistgħu jivvotaw u saħansitra n-nies tal-Partit Demokratiku, fosthom hi, ikunu jistgħu jikkontestaw l-elezzjoni għat-tmexxija.
Farrugia qalet dan f’konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-Parlament fejn tenniet li l-Partit Nazzjonalista li għamlet koalizzjoni miegħu jrid jinħatt għal kollox.
“Biex jinħatt u jerġa’ jinbena, l-ewwel pass li kellu jsir kien li l-membri kollha tal-Partit Nazzjonalista jkollhom jedd li jivvotaw,” qalet Marlene.
Farrugia, li fil-parlament kienet eletta fuq il-lista tal-Partit Nazzjonalista saħqet li l-membri tal-Partit Nazzjonalista għandhom jibdew petizzjoni biex isir kif qed tgħid hi. B’Godfrey Farrugia maġenba jiġbdilha daqsxejn filmat bil-mobile, Farrugia żiedet li fil-Partit Nazzjonalista hemm il-klikek li qed jagħmlu xogħlhom.
Dwar dan tkellmu wkoll Adrian Delia u Chris Said, kontestanti għal Kap tal-Partit Nazzjonalista, li wara li qaltilhom non starters fi tmiem il-ġimgħa qalu li filwaqt li jirrispettaw l-opinjoni tagħha f’dan il-każ hija rrelevanti għax din hi elezzjoni interna tal-Partit Nazzjonalista. Farrugia qaltilhom li huma wkoll għandhom jibdew jaħsbuha bħalha.
Dwar dan staqsejna wkoll lil Godfrey Farrugia, deputat ieħor li fil-parlament tela’ fuq il-lista tal-Partit Nazzjonalista. Tlabnih l-opinjoni tiegħu u qalilna li l-opinjoni tiegħu hi l-istess bħal Kap tiegħu, Marlene Farrugia.
Ara r-risposti ta’ Marlene u Godfrey Farrugia f’dan il-filmat: