It-taħwid u l-kaos tal-koalizzjoni tal-konfużjoni kompla joħroġ fil-beraħ waqt il-programm Networks fuq TVM 2. Programm li matulu ma’ ħareġ xejn għajr il-garanzija ta’ instabbiltà li Simon Busuttil u Marlene Farrugia qed joffru lill-poplu.
It-taħwid kien evidenti mill-ewwel minuti, hekk kif Marlene Farrugia gidbet lilha nfisha meta nnegat id-diżgwit li kellhom dwar il-manifest elettorali.
Dan anke jekk kien Busuttil stess li ammetta li fuq ċertu kwistjonijiet hu u Marlene ma jarawx għajn m’għajn. Ewlenin fosthom it-trakka tal-karozzi u l-kaċċa, b’Simon Busuttil jinqabad jigdeb għall-voti.
Affaċċjata b’dan, Marlene Farrugia irreaġixxiet b’atitudni agressiva li ddominat programm sħiħ. Programm li matulu Farrugia ħanxret u tgħajjret kull meta dak li beda jintqal ma daqqx għal widnejha.
Jekk qatt kien hemm dubju li Busuttil u Farrugia jifformaw l-aktar koppja instabbli fl-istorja politika Maltija, dak li rajna waqt Networks jikkonferma li mill-koalizzjoni tal-konfużjoni ma tgħasar xejn għajr taħwid u tbażwir.Spikka l-aktar il-mod ta’ kif il-koalizzjoni Tal-konfużjoni se tiffinanzja l-manifest tagħha. Wara t-tbażwir fil-kalkoli, komplejna niskopru kif il-koppja se tagħmel tajjeb għall-wegħdi sparpaljati tagħha.