Waqt li llum kompliet tinstema l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront tat-tlett akkużati bl-attentat ta’ qtil ta’ Mario Scicluna permezz ta’ karozza bomba fil-Fgura li ma ħaditx kompletament nhar l-4 ta’ Jannar, għadd ta’ uffiċjali tal-Pulizija fosthom forensiċi taw ix-xhieda tagħhom fil-Qorti.Quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit xehed is-Surġent Jeffrey Hughes mit-Taqsima Forensika fi ħdan il-Korp tal-Pulizija li qal kif fil-bomba nnifisa nstabu l-marki ta’ swaba ta’ min possibilment ħadem il-bomba. Jidher li dawn il-mark nstabu fis-silicone li ntuża u mat-tape li bih ingħalqet. Il-Qorti qabdet lill-espert John Mallia sabiex jieħu l-marki tas-swaba tat-tlett akkużati u jqabbilhom ma dawk elevati minn fuq il-bomba.
Fis-seduta tal-lum wkoll tkellmu għadd ta’ Pulizija li kienu preżenti waqt l-arrest ta’ Lorenzo Callus, Pawlu Farrugia u Jonathan Farrugia nhar is-15 ta’ Marzu ta’ din is-sena.
Il-Prosekezzjoni f’ dan il-każ qed titmexxa mill-Ispettur Keith Arnaud.