Mark Camilleri ġie ordnat iħassar u jneħħi chats, li kien ippubblika fuq il-blog tiegħu, bejn Rosianne Cutajar u Yorgen Fench. Dan ħareġ minn deċiżjoni li ngħatat mill-Kummissarju tal-Informazzjonu u l-Protezzjoni tad-Data, Ian Deguara, bi tweġiba għal ilment li tressaq f’isem Yorgen Fenech, ġimagħtejn wara li l-istess Camilleri kien ippubblika tlett mija u sebgħin paġna ta’ chats personali.
Camilleri kien tella’ koppji ta’ dawn iċ-chats, erbgħa u għoxrin siegħa qabel ma kien se jiffaċċja lil Rosianne Cutajar fil-Qorti fuq kawża ta’ libell li l-Membru Parlamentari kienet ressqet kontrih.
Sussegwentement, il-Qorti Kriminali kienet ordnat lil Camilleri jiġi akkużat b’disprezz talli ppubblika l-istess chats, li allegatament inkisbu minn provi ssiġillati fil-każ li Fenech għandu fil-Qorti, fejn qed jiġi akkużat bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Il-Kummisarju nnota wkoll id-deċiżjoni li ttieħedet mill-Qorti tal-Maġistrati, li imponiet projbizzjoni fuq il-pubblikazzjoni tal-kontenut tal-inkjesta, li aktar tard ġiet ikkonfermata mill-Qorti Kriminali.
Fid-deċiżjoni tiegħu, il-Kummissarju stqarr li, filwaqt li għaraf l-importanza tal-libertà tal-espressjoni, enfasizza wkoll ir-rwol kruċjali li jiġu salvagwardjati d-drittijiet u r-reputazzjoni ta’ ħaddieħor, b’mod partikolari meta l-kontenut jikxef informazzjoni personali.
Id-deċiżjoni tikkwota ġurisprudenzi mill-Qrati Ewropej li jistabbilixxu, li ksur tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem jistgħu jseħħu bil-pubblikazzjoni ta’ dikjarazzjoni li jinsabu f’dokumenti privati li ma kinux intiżi biex jitqassmu pubblikament, u li l-għan tagħhom hu li jkissru r-reputazzjoni u l-professjoni tal-persuna.
Waqt li qal li l-pubblikazzjoni ta’ tali chats kienet illegalui, il-Kummissarju ordna biex dawn jitħassru fi żmien tlett ijiem u jekk dan jibqa’ ma jseħħx, Camilleri jkun suġġett għal multa amministrattiva effettiva.
Fuq il-midja soċjali, l-istess Camilleri wera kull intenzjoni li ma jżommx ma’ din l-ordni u, waqt li b’ton arroganti sfida lill-Kummissarju, talab lill-qarrejja tiegħu biex jgħaddulu l-flus.