Ġurnata oħra, gidba oħra.
Mark Camilleri qal li kien qed jippubblika hu rapport li l-Prim Ministru ma jridx jippubblika. Dan meta fil-verità ppubblika rapport li ilu ppubblikat bosta xhur tant li tqassam lill-midja kollha f’konferenza tal-aħbarijiet.
Fil-blog tiegħu, Mark Camilleri kien qed jagħmel referenza għal stqarrija dwar ir-rapport finali tal-kumitat ta’ esperti tal-midja, liema rapport il-Gvern hu marbut li jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra, kif se jsir ladarba jerġa’ jiltaqa’ l-Parlament.
Iżda, ftit jiem wara li kellu jammetti li gideb fuq il-President tal-Partit Laburista, Ramona Attard, Camilleri reġa’ ried jilgħabha tas-sensazzjonali u qal li l-Prim Ministru qed jaħbi r-rapport u se jippubblikah hu, biex imbagħad ippubblika rapport li ilu fid-dominju pubbliku x-xhur.
Aktar minn hekk, il-Prim Ministru m’għandu skop jaħbi l-ebda rapport, tant li fi stqarrija tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru fakkar kif mal-mument li rċieva r-rapport, il-Gvern minnufih ippubblika stqarrija biex jinforma li kien irċieva dan ir-rapport.
Żied li, wara li ntalbu numru ta’ estensjonijiet, ir-rapport għadda lill-Gvern meta l-Parlament kien aġġornat u l-intenzjoni tal-Gvern hi li, hekk kif il-Parlament ikun qed jerġa’ jiltaqa’, dan ir-rapport ikun ippubblikat fl-ewwel jum u għalhekk fl-ewwel possibbiltà.
Dwar il-proċess ta’ konsultazzjoni, il-Gvern fakkar li kellu diġà abbozzati numru ta’ liġijiet li jsaħħu bil-kbir il-professjoni tal-ġurnaliżmu u kien fuq inizjattiva tiegħu li għaddihom lill-Kumitat ta’ Esperti għall-ewwel rispons tiegħu.
Ibbażat fuq ir-rispons ta’ rapport li rċieva, li wkoll kien ippubblikat, il-Gvern ressaq liġijiet fil-Parlament.
Minkejja li kienet diġà saret konsultazzjoni, l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) ħass li għandha ssir aktar konsultazzjoni. Il-Gvern ma kellu ebda problema.
Għal darb’oħra, il-Kumitat ta’ Esperti kien fdat b’dan il-proċess u l-Kumitat ħa l-impenn li jwessa’ l-konsultazzjoni, tant li anke organizza konferenza għal dan il-għan.