Adrian Delia u n-nies ta’ madwaru għandhom jirreżenjaw minnufih.
Dikjarazzjoni diretta u iebsa mill-eks president tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista Mark Anthony Sammut waqt il-programm InDepth fuq is-sit tal-Malta Independent.
Sammut sostna li l-partit m’għandux għażla ħlief li jkollu tmexxija ġdida għall-elezzjoni li jmiss.
Sammut ma qagħadx jomogħda meta ntalab jikkummenta dwar it-tmexxija preżenti u qal li din spiċċat f’idejn tlieta min-nies.
“It-tmexxija tal-partit m’ijiex it-tmexxija kif kienet tkun qabel imma saret tlieta min nies li ma jinkludux il-vici kapijiet.”
Qal li minkejja li Delia kien wegħdu mod ġdid, baqa’ ma jlaqqax l-amministrazzjoni, il-grupp parlamentari u l-istrutturi, minħabba dik li sejjaħ bħala biża.
Saħaq li Delia nħakem minn dawk ta’ madwaru, fosthom Jean Pierre Debono.
Sammut kompla jgħid li t-tmexxija jimpurtaha biss li żżomm il-kontroll.
“Il-ftit nies li għandhom il-kontroll jimpurtahom biss li jżommu l-kontroll”
Dwar ir-riżultat elettorali li ġarrab il-Partit, l-agħar riżultat f’51 sena, Sammut fetaħ attakk aħrax fuq is-Segretarju Ġenerali Clyde Puli.
“Ma mmurx wara telfa bħal dik nikkonferma li għadna t-tieni l-ikbar partit f’Malta.”
Tenna li l-vot biex Jean-Pierre Debono jieħu s-siġġu ta’ David Stellini, kien ivvizjat.
Sammut qal li bil-vot, il-Partit ħa siġġu minn Għawdex.
“Fil-ġimgħa li l-labour ta’ lil Għawdex l-ewwel MEP, qed immorru aħna u noħdoluhom siġġu.”
Akkuża wkoll lill-Partit li ta daqqa ta’ sieq lil Kevin Cutajar.
“Aħna kellna ċ-ċans l-ewwel persuna b’diżabilità fil-Parlament u tajnieha daqqa ta’ sieq.”
Tenna li l-partit missu ta s-siġġu lil Cutajar, u akkuża lil Delia li kien kompliċi mal-qerq
L-Eks president fetħila għal Debono, fejn reġa tenna l-akkuża li huwa bagħbas il-lista ta’ dawk eleġibbli għall-vot fl-eżekuttiv.
“L-unika persuna b’aċċess għal-lista huwa JPD…Ir-responsabilita hija ta’ JPD.
Iżda minkejja l-ġlied qawwi li ħakem il-Partit, u d-dikjarazzjonijiet tiegħu kontra Adrian Delia, Sammut qal li fil-partit ma’ teżisti l-ebda firda.