Mark Anthony Sammut, wieħed mid-deputati estremisti tal-Oppożizzjoni, inqabad ukoll b’konflitt ta’ interess sfaċċat billi juża l-pożizzjoni tiegħu fl-ogħla istituzzjoni biex jaġevola l-klijentela privata tiegħu.
Fil-fatt uża l-privileġġ Parlamentari li għandu biex jistaqsi dwar tender, li jinvolvi kumpanija li jirrappreżentaha legalment.
F’attività illeċta diġà nqabad iżjed minn darba l-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia b’mistoqsijiet lill-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli.
Fil-Parlament, iżda, id-Deputat tal-establishment Nazzjonalista Mark Anthony Sammut staqsa lill-Ministru Chris Bonett dwar tender għal traffic lights, li kien inħareġ lura fl-2014.
Għal dan it-tender, kienet interessata l-kumpanija Firetech Cross TLS, li kienet rappreżentata minn Sammut. Miegħu, bħala rappreżentat legali, kien hemm ukoll dak bl-istess vizzju, Adrian Delia.
Wara li jirriżulta li dan it-tender ma ngħatax lill-kumpanija rappreżentata miż-żewġ deputati ta’ żewġ fazzjonijiet differenti tal-Partit Nazzjonalista, u sar appell mad-Dipartiment tal-Kuntratti, Sammut, għal darba, tejn, tlieta, uża l-fiduċja elettorali għall-gwadann personali tiegħu.
Dwar dan, ONE News staqsa lid-Deputat Nazzjonalista li, skontu, ma kien hemm xejn ħażin.
“Mhemmx konflitt ta’ interess.”
Mark Anthony Sammut, Deputat Nazzjonalista
Iżda l-verità hi mod ieħor, tant li anke l-Ministru Bonett, iffaċċjat bil-mistoqsijiet ta’ Sammut, espona tali konflitt ta’ interess li għandu d-Deputat Nazzjonalista.
Ippressat mill-ġurnalist, id-Deputat Nazzjonalista spiċċa jikkonferma li hu kien rappreżentant ta’ din il-kumpanija.
“Għandek rappreżentanza”.
“Le, le lanqas xejn lanqas xejn jien kont kuntrattat minn dik il-kumpanija għaxar snin ilu”.
Mark Anthony Sammut, Deputat Nazzjonalista
Evażiv, Sammut daħal il-Parlament jgħajjat li mhemm xejn ħażin.
“Taħseb li hija aċċettabbli?”.
“Mela mhijiex, mela mhijiex, mhemm l-ebda interess, ilu għaxar snin”
Mark Anthony Sammut, Deputat Nazzjonalista
Fl-aħħar jiem, Adrian Dela nkixef juża l-privileġġ Parlamentari biex jistaqsi dwar kwistjoni li tinvolvi lill-klijenti tiegħu li qed joġġezzjonaw fuq tender li ngħata mill-Enemalta.
Hu kien ukoll qabad ma’ kwistjoni dwar l-impjant tal-Waste-to-Energy mill-WasteServ, wara li l-konsorzju, li kien ir-rappreżentant tiegħu, ippretenda li jirbaħ it-tender hu b’offerta li kienet tiswa lill-pajjiż mal-mitejn miljun ewro iżjed.
Dwar dan il-każ, għaddejja investigazzjoni mill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, il-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi, fuq talba tal-Membru Parlamentari Clayton Bartolo.