ONE News huwa nfurmat li kummenti li għamel dalgħodu fuq ir-radju d-deputat Nazzjonalista Mark Anthony Sammut, li hu parti mill-establishment tal-Partit, qanqlu rabja fost elementi mill-grupp parlamentari tal-Oppożizzjoni.
Meta kien qed jiġi intervistat minn Andrew Azzopardi fuq l-istazzjon tar-radju tal-Knisja, Mark Anthony Sammut qal li ħafna min-nies li jitkellem magħhom huma ddispjaċuti dwar il-fatt li l-Partit Nazzjonalista mhux jirnexxilu jippreżenta front wieħed magħqud.
Huwa kkritika bl-aħrax lil min ma jbaxxix rasu għar-rieda tal-maġġoranza fil-Partit: “… jiġifieri li aħna qegħdin hemm bħala partit, inkunu iddiskutejna bħala partit, imbagħad ikollok min joħroġ għal rasu. Jiġifieri jien mhux dejjem qbilt ma’ kull vot jew ma’ kull deċiŻjoni li kien hemm fil-partit. Imma, ħafna drabi, jekk tara li hemm maġġoranza sejra ’l hemmhekk, tbaxxi rasek u timxi flimkien… ma tistax kull ħaġa li ma taqbilx magħha toħroġ tiżvija għal rasek.”
Id-deputati Nazzjonalisti li huwa infurmat dwarhom ONE News kienu urtati wkoll għal kif, fl-istess intervista, meta mistoqsi dwar il-mod kif kien tneħħa Delia minn Kap tal-partit, Mark Anthony Sammut wieġeb li l-passat huwa passat u issa kulħadd għandu jħares ‘il quddiem. Huma fakkru li l-istess Sammut ma kienx tal-istess fehma meta, minkejja li l-maġġoranza tat-tesserati tal-partit kienu eleġġew lil Adrian Delia, kien iqanqal l-ilmijiet u kien jiġbor il-firem biex Delia jitqaċċat minn postu.
Fil-grupp parlamentari tal-Oppożizzjoni diversi qed jikkummentaw li, għal Mark Anthony Sammut, dak li kien tajjeb fiż-żmien meta kien kap Adrian Delia, issa taħt Bernard Grech sar ħażin.