Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg żar l-istituzzjoni edukattiva Maritime MT li minkejja l-isfida tal-Covid-19, kompliet tagħti t-tagħlim u t-taħriġ lin-nies fis-settur marittimu permezz ta’ metodi ta’ blended learning, li Maritime MT tixtieq tmantni anke wara li jgħaddi dan il-perjodu.
Dan jikkonsisti f’varjetà ta’ metodi li jinkludu lezzjonijiet tradizzjonali li qed jingħataw b’mod diġitali, eżerċizzji ta’ simulazzjoni, assessjar diġitali u riżorsi biex wieħed isegwi t-tagħlim u t-taħriġ bil-pass tiegħu, fost l-oħrajn. Maritime MT qed tikkollabora wkoll ma’ istituzzjonijiet simili minn madwar id-dinja biex tiglobalizza l-esperjenza għall-istudenti tagħha, filwaqt li qed taħdem biex issir l-ewwel istitut globali ta’ dan it-tip fid-dinja permezz ta’ franchising, bl-ewwel inizjattivi li se jibdew f’diversi pajjiżi madwar id-dinja.
Il-Ministru Borg faħħar lill-istituzzjoni li fl-ewwel sena tal-operat tagħha diġà bdiet tħares ’il quddiem lejn opportunitajiet ġodda, filwaqt li qed timraħ f’pajjiżi oħrajn bil-ħsieb prinċipali li tkompli tippromwovi l-bandiera Maltija madwar id-dinja.
“Illum ġejt hawnhekk biex nara kif qed jaħdem il-kunċett u għandi biss kliem ta’ tifħir għal Maritime MT u għal Transport Malta li ħadmu flimkien, għax irnexxielhom mhux biss jadattaw għaċ-ċirkustanzi imma wkoll idawru l-isfidi f’opportunitajiet. Illum aktar minn qatt qabel, fiċ-ċirkostanzi li qed ngħixu bil-Covid-19, nistgħu naraw l-importanza tas-settur marittimu għall-ħajja ta’ kuljum, mhux biss fejn jidħol l-operat ta’ entitajiet bħall-Forzi Armati, iżda anke minħabba t-tbaħħir ta’ affarijiet essenzjali f’dan il-perjodu kritiku.
Hu grazzi għas-settur marittimu li pajjiżna seta’ jkompli jirċievi l-merkanzija tal-ikel u l-mediċini filwaqt li jkompli jesporta l-prodotti manifatturati f’Malta. Għalhekk hu ferm importanti li nkomplu nsostnu t-taħriġ u l-edukazzjoni tan-nies kollha li jaħdmu jew li huma mħajra jaqbdu impjieg f’dan is-settur. Fuq kollox, l-inizjattiva li tiglobalizza se tfisser mhux biss li dawn in-nies se jkollhom opportunità jitħarrġu anke barra minn xtutna, imma wkoll li l-bandiera Maltija se tifrex aktar madwar id-dinja biex tiġbed lejn pajjiżna aktar u aktar investiment li llum, aktar minn qatt qabel f’dawn l-aħħar snin, hu essenzjali għall-ekonomija ta’ pajjiżna,” qal il-Ministru Ian Borg.
Ritratti: MTIP & DOI