Mario Joseph Azzopardi nħatar bħala l-ewwel chairperson tal-bord tal-Awtorità għall-Azzjoni dwar il-Klima wara li n-nomina tiegħu għaddiet mill-iskrutinju Parlamentari.
L-approvazzjoni mill-Kumitat Parlamentari tas-Sur Azzopardi timmarka pass importanti fit-twaqqif tal-Awtorità għall-Azzjoni dwar il-Klima. Dan wara li anke l-Parlament qabel fuq l-Att li jistabbilixxi t-twaqqif ta’ din l-Awtorità l-ġdida li se tkun qed tikkordina l-isforzi nazzjonali sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-klima, tqajjem kuxjenza dwar it-tibdil fil-klima, u timplimenta programmi ta’ mitigazzjoni u adattament fost oħrajn.
Għal dawn l-aħħar 11-il sena, Mario Azzopardi serva bħala chairperson ta’ dik li kienet magħrufa bħala l-Awtorità Maltija għar-Riżorsi (MRA). Waqt it-terminu tiegħu, fost oħrajn, is-Sur Azzopardi ta importanza lill-użu strateġiku tal-istatistika bħala għodda essenzjali fil-qasam tal-azzjoni klimatika. Enfasizza li aktar mal-għarfien tal-effetti tat-tibdil fil-klima bdew jiġu rikonoxxuti, l-obbligi u l-kumplessità tar-rapporti meħtieġa żdiedu b’mod aċċellerat.
Azzopardi, illi matul is-snin kiseb esperjenza fl-immaniġġjar ta’ diversi entitajiet privati u pubbliċi, jokkupa l-kariga ta’ Deputat Kap Eżekuttiv tal-Malta Air Traffic Services Ltd. Huwa studja fl-Università ta’ Malta fejn iggradwa fil-Kummerċ, fl-Accountancy bl-unuri u għandu Masters fis-Servizzi Finanzjarji. Beda l-karriera tiegħu ta’ accountant u awditur pubbliku fejn ħadem ma’ kumpanija ewlenija tal-awditjar f’pajjiżna. Huwa serva f’diversi rwoli fil-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u fl-Enemalta. Fl-2013 nħatar bħala viċi chairperson tar-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma.