“Is-sitwazzjoni fil-Partit Nazzjonalista sfortunatament fl-aħħar snin kienet tossika u llum inħossni relieved li tlaqt. Anke fiżikament u mentalment inħossni ħafna aħjar.”
Kien b’dan il-mod skjett u dirett li, waqt il-programm Xtra Sajf fuq l-istazzjon nazzjonali, l-eks Deputat Nazzjonalista Mario Galea wieġeb għal mistoqsija dwar ir-riżenja tiegħu mill-Partit Nazzjonalista ftit tax-xhur ilu.
Galea, li rriżenja fil-bidu tal-kampanja elettorali tal-elezzjoni ta’ Marzu li għadda għaliex kien ilmenta li nies qrib il-Kap Bernard Grech kienu għamlulu ħajtu infern, fil-programm kellu kliem iebes għall-Kap Bernard Grech.
Qal, “Kont ilni naħseb fuqha – iċ-ċirkostanzi fil-partit ma għenunix ukoll, jiġifieri bdejt inħossni li l-mentalità li sfortunatament għadha tipprevali, li issa aħna expired u m’għandniex x’noffru, hux, u allura għamluhieli iktar faċli l-partit biex nitlaq.”
Fil-fatt, għal aktar minn darba Galea uża l-kelma ‘expired’, li ħarġet minn fomm il-Kap Bernard Grech għal dawk id-Deputati li ma telgħux fl-aħħar elezzjoni ġenerali.
Qal, “Naħseb li min jiddeċiedi li jitlaq jew ma jitlax – għax kien hemm min ma telax minn sħabi wkoll – li tgħidli li ‘inti expired’ u jkun il-Kap tal-Partit tiegħek stess li jgħid ‘’expired, naħseb li kieku qallu grazzi tas-servizz tiegħek…”
Galea ddeskriva wkoll is-sitwazzjoni fil-Partit Nazzjonalista, qabel telaq, bħala tossika.
Qal, “Is-sitwazzjoni fil-Partit Nazzjonalista sfortunatament fl-aħħar snin kienet tossika u llum inħossni relieved li tlaqt anke fiżikament u mentalment inħossni ħafna aħjar li tlaqt.”
Saħansitra sostna li, wara r-riżenja tiegħu, ħadd mill-Partit Nazzjonalista ma kkuntattjah. Dan minkejja li rrappreżenta lill-istess Partit għal aktar minn 30 sena fil-Parlament.
Qal, “Pereżempju, wara 30 sena deputat, lanqas telefonata. Ma kelli l-ebda kuntatt mill-Partit mill-elezzjoni lil hawn, jiġifieri flok tgħidlu ‘expired’, anke jekk ma temminhiex, tgħidlu ‘grazzi tas-servizz tiegħek’ u daqsekk.”
Mistoqsi mill-preżentatur tal-programm dwar il-bidliet li għandu jwettaq l-istess Partit Nazzjonalista, Mario Galea beda billi rrefera għad-deċiżjoni tal-Kap li, fil-ġurnata li tħabbar ir-riżultat tal-elezzjoni, jiddikjara li se jerġa’ jitfa’ ismu għall-kariga ta’ Kap Nazzjonalista.
Qal, “Bernard Grech kellu jkollu l-umiltà li mhux jiddikjara li ħiereġ mill-ewwel. Kellu dritt jerġa’ jikkontesta imma ma nagħmilhiex mill-ewwel għax b’hekk qata’, fl-opinjoni miżera tiegħi, ta’ wieħed li huwa ‘expired’, li żmienu għadda u li tajjeb għar-rimi u għal ġol-iskip. Naħseb għallinqas kellu jiftaħ il-bibien ta’ oħrajn li jikkontestaw.”
Kompla billi qal, “Meta inti tagħmel dikjarazzjoni bħal dik, naħseb li tkun qed ixxekkel lil dawk li jkunu qed jaħseb li jerġgħu joħorġu – jiġifieri li naħseb dak kien żball.”
Irrimarka wkoll li t-tibdiliet li saru taħt il-Kap attwali kienu kożmetiċi.
Qal, “Naħseb it-tibdiliet li saru, saru kożmetiċi u naħseb li għandu bżonn il-PN – għax jien illum qiegħed barra – li bis-serjetà l-ewwel nett jrid jara xi jrid.”
Temm jgħid li l-Partit Nazzjonalista għandu jiġġedded bis-serjetà.
Qal, “Naħseb il-Partit Nazzjonalista għandu jiġġedded bis-serjetà imma, iktar minn hekk, jagħmel tfittxija għar-ruħ tiegħu.”