Id-Deputat Nazzjonalista Mario Galea qal li nies qrib it-tmexxija ta’ Bernard Grech, l-establishment Nazzjonalista, għamillu ħajtu infern.
Mario Galea qal dan mal-MaltaToday jum wara li rtira l-kandidatura tiegħu għall-elezzjoni ġenerali f’isem il-Partit Nazzjonalista.
Fl-ewwel jum tal-kampanja elettorali rtiraw f’daqqa erba’ kandidati Nazzjonalisti, ilkoll Deputati u ma’ Mario Galea rtiraw Kristy Debono, Clyde Puli u Claudio Grech.
Meta kkunttatjat mill-MaltaToday Galea giddeb ukoll lill-Kap Nazzjonalista Bernard Grech meta qal li kien hemm qbil biex huwa jirtira mill-elezzjoni biex jagħmel spazju.
It-Tlieta filgħodu mal-MaltaToday Galea qal hekk.
“Mhux minnu li Grech qalilna nirriżenjaw. Jien kont diġà preparajt il-kampanja tiegħi. Ħadt ir-ritratti fid-distrett tiegħi u bdejt ukoll niltaqa’ mal-kostitwenti tiegħi.”
Tant kemm mhux minnu li Grech qal lil Galea biex jirriżenja li mal-MaltaToday Galea qal ukoll li l-Ħadd filgħaxija rċieva telefonata mid-Dar Ċentrali biex jattendi għall-konferenza tal-aħbarijiet li l-Kap Nazzjonalista għamel it-Tnejn filgħodu.
Huwa spjega wkoll kif Bernard Grech innifsu riċentament saqsih jekk kienx qed jiltaqa’ mal-kostitwenti tiegħu fid-djar.
Filwaqt li qal li huwa spiċċa mormi mill-Partit Nazzjonalista, Mario Galea saħansitra qal li mill-Partit ta’ Bernard Grech affaċċja tgħajjir fuq is-saħħa mentali tiegħu.
“Kont użat u mormi”, qal Mario Galea, Deputat li kien leali lejn Adrian Delia.
Mario Galea spjega kif huwa xtaq jikkontesta l-elezzjoni ġenerali iżda ma felaħx iżjed.
B’rabta mal-irtirar f’daqqa ta’ erba’ kandidati Nazzjonalisti, li jsegwu oħrajn li telqu fl-aħħar ġimgħat, il-Partit Laburista qal li dan hu sinjal ieħor ta’ kif il-klikka li poġġiet lil Bernard Grech Kap hi dik li għadha u se tibqa’ tiddetta l-aġenda fil-Partit Nazzjonalista u saħansitra qed tagħmilha diffiċli għan-Nazzjonalisti stess li jaħdmu fl-istess partit.
Il-Partit Laburista saħaq li Bernard Grech u dawk li poġġewh hemm firdu partit u għalhekk appella biex il-poplu ma jħallihomx jifirdu pajjiż.