Id-Deputat Nazzjonalista Mario Galea ħareġ jakkuża deputat Nazzjonalista b’gibda oħra u qal li dan irid ikompli jagħmel ħsara lill-partit “tagħna stess”.
Mario Galea qal dan fuq il-profil tiegħu ta’ Facebook wara li ġie rrapportat li Delia sejjaħ laqgħa tal-grupp parlamentari mil-lum għal lum fil-binja tal-Parlament.
Galea ħareġ igiddeb lil dan id-deputat Nazzjonalista u qal li mhux l-ewwel darba li l-grupp parlamentari ssejjaħ minn filgħodu għall-filgħaxija.
Qal li dan sar taħt mexxejja differenti. Saħansitra stqarr li l-anqas kienet l-ewwel darba li ma ngħtawx aġenda minn qabel il-laqgħa tal-Grupp Parlamentari.
“Taħt it-tmexxija tad-Deputat Simon Busuttil qatt ma rċevejna aġenda qabel”, qal Galea fl-aħħar xhur iddikjara li Busuttil kellu jċedi s-siġġu parlamentari tiegħu.
“Lil dan id-deputat li ċempel lit-Times ngħidlu giddieb li qed jittradixxi lin-Nazzjonalisti li vvotawlu. Dawn id-deputati jaħsbu li ma nafux min huma. Ħalfu li jkissru lill-Partit Nazzjonalista għall-ambizzjonijiet personali taħhom. Imisshom jistħu. Jien mhux coward (beżżiegħ) bħalhom. Jien nikteb b’ismi”, temm jgħid Galea fil-konfront tad-deputati mill-fazzjoni ta’ Busuttil li ma waqfux jaħdmu biex ineħħu lill-Kap Nazzjonalista Adrian Delia mit-tmexxija tal-partit wara allegazzjonijiet serji li ħarġu fil-konfront tiegħu fosthom dawk ta’ ħasil ta’ flus li ġejjin minn ċirku ta’ prostituzzjoni.