Matul dawn il-jiem kienet qed titlaqqa’ l-plenarja tal-Kungress tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali, fi Strasburgu, fejn saru wkoll l-elezzjonijiet għall-ħatriet importanti, fosthom tal-President tal-Kungress, Presidenti tal-Kamra tar-Reġjuni u Lokali kif ukoll għall-kariga ta’ Viċi Presidenti.
Mario Fava, President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Kunsilli Lokali sa mill-2017, u membru tal-amministrazzjoni tal-Partit Laburista, ġie elett fil-kariga ta’ Viċi President għall-Kamra tar-Reġjuni fi ħdan l-istess Kungress għas-sentejn u nofs li ġejjin.
Fava hu l-kap tad-delegazzjoni Maltija u ilu jservi bħala membru fil-Kungress sa mill-2016 f’diversi kumitati, fosthom dak ta’ monitoraġġ.
Hu daħal fix-xena politika lokali fl-2002, meta kkontesta għall-ewwel darba l-elezzjonijiet lokali f’isem il-Partit Laburista, fil-lokalità tas-Swieqi, fejn baqa’ jiġi elett konsekuttivament. Illum hu Kunsillier fil-lokalità tal-Fgura.
Bħala membru fl-Amministrazzjoni tal-Partit, Fava ilu sa mill-2013 President tas-Sezzjoni Kunsilliera, wara li kien serva għal tliet snin ukoll bħala Segretarju.
Hu wkoll involut fil-Kumitat tar-Reġjuni fi Brussell, fejn serva wkoll għal xi żmien bħala Segretarju u kordinatur tad-delegazzjoni Maltija, u jirrappreżenta lil Malta f’żewġ kummissjonijiet.