Mario Demarco ssemma darbtejn f’dawn il-jiem kwieti politikament tas-sajf. L-ewwel waħda kienet li Dr George Hyzler mhux se jindaħal fuq Dr Mario Demarco bħala Membru tal-Parlament għax jiġi ħatnu. Hekk sewwa u xieraq. Imma bir-rispett kollu lejn George, qabel ma jkunu nominati nies f’pożizzjonijiet hekk, wieħed irid joqgħod attent, għax dan kien fatt magħruf minn qabel. U għalhekk mhix sorpriża.
It-tieni darba tkellem Mario Demarco bħala shadow fuq il-finanzi eċċ. Qal li l-Gvern u l-Ministri għandhom jitbiegħdu u ma jindaħlux fuq ix-xogħol ta’ l-MFSA. Dan kien jidher minħabba s-sistema tal-early retirement u kien hemm min sab impjieg ftit wara.
Mhux se nidħol f’dik il-kwistjoni imma l-kritika lill-Gvern, u cioè l-Ministri, hija inġusta u llum aktar barra minn lokha. Xi ħaġa fuq l-MFSA naf jien. Sa madwar sena ilu, il-Bord tal-MFSA kien jiddeċiedi kollox u l-Chairman kellu saħanistra poteri eżekuttivi. Illum anke l-liġi tal-MFSA nbidlet. Allura Mario Demarco messu jaf, kemm bhala Shadow Minister u kemm bhala avukat, li llum hemm Chief Executive Officer li għandu l-poter eżekuttivi kollha f’idejh. Il-limiti li għandu huma dawk li joħorġu mil-liġi, mill-policies li jfassal il-Bord tat-Tmexxija, u ċertament suġġett għal-liġijiet oħra, fosthom fl-opinjoni tiegħi anke dawk li joħorġu mill-Kostituzzjoni.
Dan ifisser li sistema ta’ early retirement taqa’ f’idejh u jħaddimha hu. Jekk xi ħaġa tmur żmerċ ma jista’ jdur fuq ħadd u jwaħħal fih, għaliex CEO jerfa’ l-piż tat-tmexxija. Lanqas jista’ jgħid li għamel xi ħaġa taħt pressjoni politika, għax ifisser li jkun bla sinsla, għax meta jkun hemm xi ħadd li jkun CEO, ifisser li kull deċiżjoni tkun tiegħu. Biżżejjed li wieħed jara publikazzjoni li giet f’idejja dawn il-jiem, Malta CEO’s 2019, fejn wieħed li ġie intervistat qal propriju dan: li CEO jerfa’ r-responsabbiltà kollha tal-amministrazzjoni.
Mela Dr. Mario Demarco messu fittex sewwa l-fatti qabel ippunta subgħajh lejn min ma ħaqqux.