Il-Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Mario De Marco, organizza konferenza tal-aħbarijiet biex jitkellem dwar il-ħidma parlamentari.
Iżda meta mistoqsi dwar numru ta’ temi kien attent li jfarfarhom minn fuqu u ma joffri ebda opinjoni dwarhom.
Fost oħrajn Mario De Marco, sal-lum Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista, ma riedx jikkummenta dwar il-fatt li l-aġir ta’ Jason Azzopardi kien ikkundannat mill-Awditur Ġenerali.
Dan l-għada li Jason Azzopardi qal li m’għandux minn xix jistħi.
De Marco qal “dwar ir-rappor tal-Awditur Ġenerali naħseb ir-rapport qiegħed hemm u kulħadd jista’ jasal għall-interpretazzjoni tiegħu, hemm interpretazzjoni ġejja min-naħa tal-Oppożizzjoni u oħra li ġejja min-naħa tal-Gvern. Jiġifieri mhux se nipprova nasal għal konklużjonijiet.”
De Marco, li responsabbilta tiegħu hemm il-ħidma parlamentari, lanqas dwar id-deputat Edwin Vassallo ma kien f’pożizzjoni li jwieġeb.
Il-ġurnalisti staqsewh jekk ux se jkun hemm passi dixxiplinarji fid-dawl li ma żammx mal-whip tal-partit fil-vot tal-ugwaljanza fiż-żwieġ.
Hu kompla billi qal li “jekk niġu għall-kwistjoni tal-passi dixxipplinari fil-konformità ta’ Edwin Vassallo… it-tema għadha ma ġietx diskussa u minix f’pożizzjoni ngħidlek liema passi dixxiplinarji hemm u ma hemmx.”
Staqsejna wkoll lil Mario De Marco jekk il-Partit Nazzjonalista għandux jagħmel rapport tat-telfa.
De Marco sostna li “li jagħmel sens li tkun deċiżjoni li tieħu t-tmexxija l-ġdida dwar għandiex tagħmel rapport tat-telfa jew analizi tat-telfa, jew xi ħaġa oħra li tixtieq biex tanalizza r-riżultat tal-elettorali.”
U bil-battalja għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista fl-aqwa tagħha saret il-mistoqsija dwar x’parir għandu De Marco għal Kap ġdid. Liema żbalji jgħidlu ma jgħamilx. Għal darb oħra ma qalilna xejn.
Spjega li “jekk Kap ġdid ikun jixtieq jisma’ l-opinjoni tiegħi għandu kull dritt li jisma’ l-opinjoni tiegħu.”