Mario Cutajar inħatar Chairman tal-Aġenzija Nazzjonali għall-Patrimonju Nazzjonali, Heritage Malta.
Cutajar kien Direttur Eżekuttiv fil-Bord tad-Diretturi għal dawn l-aħħar snin u kellu sehem importanti f’diversi inizjattivi ta’ Heritage Malta, fosthom billi ngħatat taħt il-ħarsien tagħha siti ġodda bħal Villa Gwardangia, is-sotterran tal-Belt Valletta, Villa Frere u l-Main Guard, fost oħrajn.
Tul l-istess perjodu kienet aġġornata l-liġi dwar il-partrimonju, tfasslet viżjoni ġdida għall-aġenzija u twessgħet il-missjoni ta’ Heritage Malta biex il-mużewijiet tagħha jiġu aġġornati għaż-żminijiet tal-lum.
Cutajar ta sehem ukoll biex titwaqqaf il-unit f’Heritage Malta għal siti ta’ patrimonju f’qiegħ il-baħar, li bħalissa qed tieħu ħsieb mas-17-il sit f’qiegħ il-baħar madwar Malta.
Intant, inħatar ukoll bord ġdid għal din l-aġenzija li l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici iddeskriviha bħala waħda li tinsab fuq l-għatba ta’ kapitlu ġdid meta qed twessa’ l-viżjoni tagħha u tqiegħed in-nies fiċ-ċentru tal-ħidma kollha tagħha.
Mario Cutajar irtira bl-età mis-Servizz Pubbliku fl-aħħar tax-xahar li għadda wara karriera ta’ 47 sena li matulha ħadem f’għadd ta’ dipartimenti u entitajiet governattivi, fosthom Heritage Malta stess, u mill-2013 sa tmiem Mejju li għadda kien ukoll il-Kap tas-Servizz Pubbliku.