Il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta rrikonoxxa l-kontribut straordinarju ta’ Mario Cutajar fil-preservazzjoni tal-wirt kulturali tal-kapitali u fir-rwol ewlieni tiegħu f’inizjattivi li saħħew l-identità storika u kulturali tagħha bl-ogħla unur … ‘Ġieħ il-Belt Valletta 2025’.
L-unur ġie ppreżentat lilu mis-Sindku tal-Belt, Olaf McKay, li qal li “l-Belt Valletta mhijiex biss storja miktuba fil-ġebel u l-monumenti, iżda hi l-ispirtu tal-komunità li jgħixha. Dan l-unur hu ċelebrazzjoni ta’ dawk li jaħdmu biex iżommu ħajja l-identità tagħna, biex il-Belt tibqa’ tiftaħar bil-wirt tagħha u tkompli tħares lejn il-futur b’kuraġġ u determinazzjoni.”
Matul is-snin, Cutajar wera impenn bla waqfien biex ikompli jgħolli l-livell tal-kapitali f’pajjiżna, kemm bħala storiku, Kap tas-Servizz Pubbliku u anke President tal-maltabiennale.art, li ġabet l-ewwel biennale internazzjonali tal-arti kontemporanja f’Malta.
Hu kellu rwol ewlieni fil-kordinazzjoni ta’ Valletta 2018, meta l-Belt saret il-Kapitali Ewropea tal-Kultura, waqt li kien strumentali fit-twaqqif tal-Aġenzija Kulturali tal-Belt Valletta u l-Pjan ta’ Ġestjoni għall-Belt.
Minbarra hekk, l-impenn tiegħu fis-settur kulturali ġie rifless fil-ħidma tiegħu bħala Chairman ta’ Heritage Malta, kariga li għadu jokkupa, fejn saħħaħ ir-rwol tal-Belt fil-preservazzjoni tal-patrimonju Malti u ħadem biex siti storici ewlenin fil-kapitali jiġu protetti u rrestawrati, fosthom il-Palazz tal-Granmastru, il-Main Guard u l-Underground Valletta.
Fl-istess ċerimonja, ġew onorati wkoll Michael Galea għal xogħlu fil-qasam tal-istorja u l-pubblikazzjonijiet dwar il-Belt Valletta; Rita Dimech għall-impenn tagħha fil-kura tal-qtates tat-triq; il-klabb tal-futbol Valletta FC għar-reżiljenza u d-determinazzjoni tagħhom fi żmien ta’ sfida; Alfred P. Camenzuli għall-kontribut tiegħu fil-qasam kulturali u sportiv; u Jaii Curmi għad-dedikazzjoni tiegħu biex iżomm ħajja t-tradizzjoni tal-Karnival fost il-Beltin.