Marika Mizzi tilfet rikors kontra l-Prim Ministru Joseph Muscat.
Mizzi kienet ingaġġata bħala communications coordinator fis-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-President ta’ Malta f’April 2009. F’April, 2014 ġiet avżata li l-kuntratt tagħha kien se jintemm minħabba l-bidla fil-Presidenza.
Mizzi insistiet li kellha tkun intitolata għal ħlas ta’ somma li tiġi likwidata, minħabba klawżola li kkwotat mill-kuntratt tagħha. Sostniet li dejjem donnu kien hemm ftehim li kienet ser titħallas somma dovuta lilha, iżda wara ġiet mgħarrfa li kellha interpretazzjoni żbaljata tal-klawżola mill-kuntratt li kienet qed tikkowta, liema klawżola tiskatta biss f’każ ta’ “unforseen circumstances of termination of employment”.
Mizzi sostniet li kienu diversi persuni li kienu fil- pożizzjoni simili u tħallsu, u insistiet li l-Gvern ta’ Malta għandu dejjem jaġixxi b’mod eżemplari.
Iżda l-konvenuti, il-Prim Ministru Joseph Muscat u s-Segretarju Permanenti Prinċipali fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Mario Cutajar, saħqu li Mizzi ġiet ingaġġata fuq bażi fiduċjarja b’kuntratt, li kien għal perjodu definit ta’ sena, li però ġie mġedded kull sena għal ħames snin (il-perjodu li fih serva bħala President ta’ Malta George Abela).
Sostnew li meta skada t-terminu tal-Presidenza ta’ George Abela, skada l-aħħar kuntratt ta’ sena ta’ Mizzi, u li l-klawżola kwotata minnha tipproteġi lill-impjegat li jkun daħal għall-kuntratt, f’każ ta’ jintemmlu l-impjieg qabel l- iskadenza tat-terminu tal-kuntratt. Dan f’ċirkostanzi fejn ir-relazzjoni bejn il-President ta’ Malta u l-istaff tiegħu hija waħda personali u bbażata fuq il-fiduċja.
Il-Qorti ċaħdet it-talbiet ta’ Mizzi, bl-ispejjeż kontra tagħha.