‘Leħnek fl-Ewropa’: hekk qed twiegħed li tkun fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew il-kandidata Laburista, Marija Sara Vella Gafà.
Marija Sara, Avukata u Sindku tal-Gudja, qed tikkontesta dawn l-elezzjonijiet wara snin ta’ esperjenzi u servizz fi ħdan il-Partit Laburista, fosthom fl-eżekuttiv tal-istess Partit.
Fil-bidu tal-kampanja tagħha, Vella Gafà elenkat il-prijoritajiet tagħha għal din l-elezzjoni, quddiem folla numeruża ta’ nies. Ewlenin fost l-oqsma li se taħdem fuqhom bil-fiduċja tal-elettorat, hemm enfasi ċara fuq is-saħħa mentali.
Marija Sara Vella Gafà semmiet numru ta’ sitwazzjonijiet li żgur li wħud jirrelataw magħhom, bħall-impatt fuq is-saħħa mentali li jgħaddi minnha min jissepara, u l-effett tal-mezzi soċjali fuq it-tfal u ż-żgħażagħ. Semmiet il-bżonn ta’ servizzi inqas sparpaljati fil-qasam tas-saħħa mentali, u l-bżonn ta’ aktar taħriġ fl-iskejjel biex l-għalliema u LSEs ikunu jafu kif jindirizzaw tfal b’diżabiltajiet varji, inkluż l-awtiżmu.
Vella Gafà spjegat ukoll li l-fatt li hi sindku ta’ raħal Malti jfisser li tħoss il-polz taċ-ċittadin Malti u tifhem ir-realtajiet li għaddejjin minnhom nies minn diversi mixjiet tal-ħajja.
Fuq kollox wegħdet li din se tkun kampanja mfassla fuq l-umiltà, id-determinazzjoni, u l-imħabba lejn dak li jagħmilna Maltin u Għawdxin.
“Fl-aħħar jiem u ġimgħat bdejt indur il-lokalitajiet li għandna madwar Malta u Għawdex. Qed nagħmel dan għax nemmen li għandna nduru u nifhmu aħjar x’inhuma l-prijoritajiet tagħkom. Jiena qed ngħid leħnek fl-Ewropa, għax nemmen li rridu nwasslu dan kollu fil-Parlament Ewropew. Se nkun qed niffoka dwar is-saħħa mentali, iżda mhux biss. Fost oħrajn se niffoka fuq it-tfal bl-awtiżmu, l-iskola u l-isports, għax inħoss li dawn huma suġġetti importanti għalikom u għalhekk fil-jiem u l-ġimgħat li ġejjin se nkompli ndurkom u ħerqana li nisma’ dak kollu li għandkom xi tgħidu intkom.”
Marija Sara Vella Gafa – Kandidata għall-elezzjonijiet tal-MPE
Waqt l-attività li mmarkat il-bidu tal-kampanja, għamlu l-interventi tagħhom il-Prim Ministru Robert Abela, il-Ministri Miriam Dalli u Stefan Zrinzo Azzopardi, is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg u Joe Debono Grech, fost mistiedna oħrajn.