Fil-jum tal-Ħadd, iż-Żurrieq inbidel f’festa ta’ ħut, b’bosta bejjiegħa u sajjieda dewqu lil dawk preżenti ħut frisk maqbud mill-ibħra Maltin.
Fit-toroq taż-Żurrieq iddominat riħa ta’ ħut frisk fosthom tonn, spnott, awrat, pixxispad, paġell tas-salamun u l-aljotta msajra friska li kienu qed ibigħu s-sajjieda Maltin.
ONE News tkellem ma’ Marija Schmebri, li ilha aktar minn ħamsin sena ddur l-irħula tbigħ il-ħut.
Schembri qalet, “Jien se ngħalaq 52 sena nbigħ il-ħut, iż-Żurrieq, iż-Żejtun, il-Gudja u Marsaxlokk. Il-ħajra kelli ommi u ħuti kollha jbigħu u kelli n-nannu sajjied u bqajt jien minnhom u nibqa’ sakemm inmut inbigħ il-ħut.”
Il-Malti jgħid li l-għajta hija nofs il-bejgħ u Marija qaltilna kif dawn il-qawl tgħix bih.
Iltqajna wkoll ma’ Lorraine Mamo, li flimkien mal-kumplament ta’ familtha kienet qed tbigħ il-ħut frisk fiż-Żurrieq.
Mamo stqarret, “Ir-raġel ilu għomru fuq il-baħar jistad, in-nanniet tiegħu sajjieda u baqgħet tintiret. Nistennewha kull sena u dawn is-sentejn ta’ pandemija li ma għamilhiex qisna ħassejniha li ma ġejniex hawnhekk għax drajniha l-festa tal-ħut.”
Is-seba’ edizzjoni ta’ Festa Ħut ittellgħet mill-Kunsill Lokali taż-Żurrieq.