Il-Fondazzjoni Marigold se tħallas għall-programm soċjali kollu tat-tfal u żgħażagħ rikoverati fis-sala tat-tfal tal-isptar Monte Karmeli.
Dan ħabbritu s-Sinjura Michelle Muscat waqt li kienet qed iżżur din is-sala fil-jum dinji għas-saħħa mentali. Fil-preżenza ta’ diversi professjonisti li jaħdmu f’din is-sala, Ms Muscat stqarret li l-attivitajiet edukattivi, soċjali u kulturali huma importanti ħafna fil-programm tal-kura.
Is-Sinjura Muscat stqarret:“Aħna għandna għal qalbna ħafna l-YPU, young people’s unit. Hija unit li tagħmel xogħol siewi ħafna mat-tfal li jkunu qegħdin rikoverati hawnhekk però waħda mill-għanijiet hija l-integrazjzoni fil-komunità. waħda mill-programmi li aħna xtaqna nisponsorizzaw hija din sabiex ikollna tfal li aktar għandhom outings, iktar jistgħu joħorġu sabiex iħossuhom parti mill-ħajja normali kemm jista jkun.”
Din il-ħidma fil-YPU ma kinitx fula f’qargħa mill-Marigold Foundation. Is-Sinjura Muscat fakkret kif saru diversi proġetti mill-Marigold ġewwa l-Isptar Monte Carmeli, fosthom il-klassi li ttellgħet il-konferenza stampa minnha kif ukoll saru xogħlijiet ta’ titjib f’numru ta’ swali.
Chris Siegersma, li huwa l-infermier li jmexxi din is-sala laqa’ din id-donazzjoni ta’ Marigold u qal li se ttejjeb il-pakkett ta’ kura li jingħata lill-minuri.
Siegersma qal: “Importanti ħafna, parti mit-terapija li noffru aħna lit-tfal hija r-reintegrazzjoni u parti minn din ir-reintegration ovvjament mhux li tkun ġo sptar imma li toħroġ fil-komunità u tagħmel attivitajiet li jagħmlu t-tfal l-oħrajn li qegħdin fid-djar tagħhom.”
Dan l-infermier laqa’ wkoll il-fatt li Marigold taħdem ’l bogħod mil-lenti tal-cameras u dejjem għenet lit-tfal mingħajr ebda daq ta’ trombi.
Siegersma sostna: “Ħafna drabi meta mmorru fuq kumpaniji u nitolbuhom donation biex ngħinu lit-tfal ħafna drabi jkunu jridu ritratti, filmati tat-tfal biex jirkbu fuq l-istejjer ħafna drabi trawmatiċi u aħna bħala mental health speċjalment fit-tfal dik ma naċċettawhiex. Il-Marigold irraġunat b’mod ieħor tatna donation tajba ħafna li biha nkunu nistgħu nippjanaw attivitajiet kulturali u soċjali għat-tfal tagħna.”
Is-Sinjura Muscat qalet ukoll li l-Fondazzjoni qed tħares ‘il quddiem għall-bini ta’ sptar għas-saħħa mentali ġdid u sostniet li dan l-isptar se jkompli jikkumplimenta it-trattament tajjeb ħafna li l-pazjenti qed jingħataw.
Is-Sinjura Muscat żaret ukoll xi swali oħra f’Monte Karmeli fejn iltaqgħet mal-pazjenti u ħaddiema tagħhom filwaqt li qassmet diversi rigali lill-pazjenti.