Imħallef fil-Qorti Amerikana, nhar l-Erbgħa ddeċidiet favur Mariah Carey f’kawża fejn l-awtur tad-diski Adam Stone kien qed jallega li Carey kienet serqitlu l-isem u l-kontenut ta’ diska.
Stone, li jopera taħt l-isem Vince Vance kien qed ifittex lil Mariah Carey għal 20 miljun dollaru f’danni meta qal li d-diska popolari tal-Milied ‘All I Want for Christmas is You’ maħruġa fl-1994 kienet ikkupjat l-isem u ħafna mill-kontenut ta’ diska li ħareġ hu fl-1989.
Fis-sentenza tagħha, l-Imħallef Mónica Ramírez Almadani qalet li minn xiehda ta’ esperti ż-żewġ diski kellhom biss frażi komuni li kienu jinstabu f’diversi diski oħra tal-Milied.
L-Imħallef qalet ukoll li Stone u l-avukati tiegħu għandhom jiffaċċjaw sanzjonijiet talli ħlew il-ħin tal-qorti b’evidenza u argumenti frivoli li kienu jinkludu assertazzjonijiet u konklużjonijiet ibbażati fuq opinjonijiet suġġettivi u evidenza irrelevanti oħra.
Hija ordnat lil Stone u l-avukati tiegħu sabiex iħallsu l-ispejjeż legali kollha ta’ Mariah Carey b’konnessjoni ma’ dan il-każ.
Mariah Carey dejjem sostniet li kienet ikkomponiet din id-diska fuq keyboard irħis waqt li kienet qed tara l-film It’s A Wonderful Life bħala ispirazzjoni qabel ma komplietha fl-istudjo ma’ Walter Afanasieff.
Id-diska ‘All I Want For Christmas is You’ tħalli qliegħ ta’ madwar $8.5 miljun kull sena.