Investigazzjonijiet intensivi li wettqet il-Pulizija wasslet biex instabet il-mazza li allegatament intużat fil-qtil doppju ta’ Maria-Lourdes u bintha Angelle Bonnici f’darhom f’Ħal Għaxaq.
L-omm u l-bint inqatlu kiesaħ u biered minn fil-lejl ta’ bejn it-Tlieta u l-Erbgħa li għadda. Dwar il-qtil tagħhom, il-Pulizija xliet lil Joseph Bonnici ta’ 38 sena. Bonnici huwa iben u ħu l-vittmi li nstabu midfuna f’għalqa fil-Gudja.
ONE News jinsab infurmat li l-mazza nstabet waqt tfittxija intensiva li saret fi skip fil-faċilità tal-iskart tal-Waste Serv.
Dan l-istazzjon jinsab infurmat ukoll li l-arma tan-nar li ġiet immodifikata biex ma tagħmilx ħoss, instabet f’għalqa fil-viċinanzi ta’ fejn instabu l-kadavri, jiġifieri fl-inħawi ta’ Triq Santu Kristu fil-limiti tal-Gudja.
Mill-awtopsja li saret is-Sibt filgħodu fuq il-katavri tal-vittmi, rriżultat li l-omm u l-bint inqatlu bi tliet tiri f’rashom u b’daqqiet ta’ mazza.