Maria Louisa Scicluna ngħatat il-Premju Nazzjonali għall-Volontarjat 2019, wara ħidma bla waqfien mal-Fondazzjoni Għawdxija l-OASI.
Maria Louisa ilha tagħmel volontarjat mal-OASI mis-sena 1997, fejn ilha minn dakhinar tagħti faraġ u kuraġġ lil diversi familji li jħabbtu wiċċhom mal-vizzju tad-droga. Hija waqqfet grupp ta’ madwar 60 voluntier biex kontinwament jagħtu sapport lil din il-Fondazzjoni.
F’kumment ma’ ONE News hija qalet kif il-volontarjat issa sar parti minn ħajjitha. Maria Louisa stqarret: “Il-Volontarjat hija xi ħaġa li ttik ħafna sodisfazzjon u ħafna fullfilment għax int tkun qed tara l-bżonn u tgħin lil ħaddieħor. U end of the day it is rewarding ħafna.”
Flimkien ma’ Maria Louisa, ġiet rikonoxxuta bil-Premju Voluntier Żagħżugħ Gabriella Meli mill-Girl Guides Malta, fejn ma’ ONE News saħqet kemm il-volontarjat jagħtiha sodisfazzjon. Meli qalet: “Il-Volontarjat dejjem għamiltu mill-qalb u għax nieħu gost nagħmlu u ħassejt li ħadt ħafna lura minnu bħala sodisfazzjon u bħala kontributt lejn il-komunità. M’għamiltux biex nieħu l-ebda premju jew xejn in return imma naħseb li l-ebda job ma jista’ jtik.”
Jikkumplimentaw dawn iż-żewġ premji kien hemm ukoll il-Premju għall-Organizzazzjoni Volontarja li ntrebaħ mill-Migrant Offshore Aid Station, u l-Premju Korporattiv tal-Volontarjat li ntrebaħ minn Tangiers International Company Limited.
Preżenti il-President ta’ Malta George Vella qal li l-volontarjat huwa pilastru kbir u ferm importanti fis-soċjetà tagħna u li dan jgħaqqad in-nies billi jneħħi s-sens ta’ solitudni u jsaħħaħ is-sens ta’ komunità fl-individwu.
Min-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari Clifton Grima qal kif il-Gvern qed jaħdem bis-sħiħ sabiex jgħin lil dawn l-għaqdiet. Huwa sostna li “Irridu naraw li jkollna sistemi fejn ikun hemm aċċesibilità għall-Fondi fejn ikun hemm aċċesibilità għal numru ta’ skemi oħra li joħorġu min żmien għal żmien min-naħa tal-Gvern.”