Id-Deputat Nazzjonalista Maria Deguara qalet li ż-żgħażagħ Maltin qed iġibu l-mard lill-vulnerabbli u nfexxet tattakkahom.
Deguara qalet dan waqt is-seduta parlamentari tat-Tlieta filgħaxija hekk kif ħaditha qatta bla ħabel kontra ż-żgħażagħ.
Skontha ż-żgħażagħ mhumiex konxji ta’ x’jista’ jagħmel il-mard: “Li qed ngħidu huwa li ż-żgħażagħ huma żgħażagħ qatt ma jemmnu li l-mard jista’ jattakkahom. Però mhux il-mard ma jattakkax lilhom irridu noqogħdu attenti li dak li jġibu huma ma jattakkax lil min hu iżjed vulnerabbli.”
Deguara qalet dan b’rabta mal-attivitajiet tal-Karnival li s-soltu jsiru f’Għawdex u li minħabba l-pandemija din is-sena tħassru kollha.
Għal din id-dikjarazzjoni, wieġeb il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri hekk kif xejjen dan l-attakk lejn iż-żgħażagħ.
Il-Ministru Camilleri qal, “Jien ma naqbel xejn miegħek li ż-żgħażagħ jaħsbu li ma jistgħux jimirdu jew li ż-żgħażagħ ma jimpurtahomx mill-ġenituri tagħhom jew mill-anzjani tagħhom. Bħal donnok trid tgħid li ż-żgħażagħ qegħdin ixerrdu l-mard li ma naħsibx li huwa minnu jiġifieri hawnhekk ma naqbel assolutament xejn miegħek.”
Il-Ministru Camilleri sostna wkoll li għall-jiem tal-Karnival, f’Għawdex ser jibqgħu id-direttivi kollha li hemm imposti mill-awtoritajiet tas-saħħa u li ser jibqgħu jiġu nfurzati.
Il-Ministru Camilleri sostna: “L-argument ma jagħmilx sens. Li huwa importanti hu li hemm numru ta’ direttivi mill-Awtoritajiet tas-Saħħa li wieħed irid isegwihom. Issa jrid jiġi minnu nnifsu l-persuna li ssegwi dawn l-istruzzjonijiet, il-Gvern iva jkun qed jagħmel ukoll parti tiegħu kif għamel tul din il-pandemija sħiħa ta.”
Din mhux l-ewwel darba li Maria Deguara spiċċat fuq il-midja minħabba dikjarazzjonijiet barra minn posthom. Sa ftit tax-xhur ilu l-istess Deguara sostniet li l-vaċċin għall-Covid-19 mhuwiex is-soluzzjoni għat-trażżin tal-virus.
Deguara kienet qalet, “Il-vaċċin mhuwiex is-soluzzjoni.”