B’97% tal-voti magħduda mill-ewwel rawnd li seħħ il-Ħadd fi Franza, jidher li li l-kandidat ċentrist Emmanuel Macron u l-kandidata tal-lemin estrem Marine Le Pen rebħu dan l-ewwel rawnd tal-voti fl-elezzjoni Presidenzjali Franċiża.
Midja Franċiża qed tgħid li Macron rebaħ 23.9% filwaqt li Le Pen rebħet 21.4%. Macron qatt ma ħa sehem fi proċess elettorali qabel u issa se jkun qed itellaq it-tellieqa ma’ Le Pen u huwa l-favorit fl-elezzjoni li se ssir fis-sebgħa ta’ Mejju li ġej.
Din hija l-ewwel darba f’sitt deċenji li ħadd mill-partit ewlieni xellugi jew lemini m’għandu kandidat fit-tieni rawnd tal-votazzjoni. F’diskors lill-partitarji, Macron iddeskriva lilu nnifsu bħala l-għażla patrijottika għal Franza filwaqt li Le Pen ukoll appellat lill-patrijottiċi kollha billi qalet li vot għalija huwa ċ-ċavetta għas-sopravivenza ta’ Franza.