It-tim nazzjonali Malti l-Ġimgħa jilgħab l-aħħar partita tiegħu minn Grupp C ta’ kwalifikazzjoni tal-Kampjonati Ewropej li ser isiru l-Ġermanja matul is-sajf li ġej meta f’Wembley Stadium fid-20.45 l-Ingilterra tospita lit-tim nazzjonali Malti.
Lejliet il-partita, il-kowċ tat-tim nazzjonali Malti Michele Marcolini ta l-aħħar dettalji dwar x’qed jistenna minn dan il-konfront kontra l-leaders l-Ingilterra li diġà kkwalifikaw mill-grupp.
Meta kien qed jindirizza lill-media preżenti f’Wembley Stadium, Marcolini sostna li t-tim jinsab ippreparat għal din il-partita u konxju mill-qawwa tat-tim nazzjonali Ingliż li f’pajjiżna diġà ħareġ rebbieħ 4 – 0.
Marcolini qal li l-esperjenza hija kruċjali u l-Maltin iridu jkunu lesti jattakkaw l-ispazji li possibilment jistgħu jħallu l-plejers Ingliżi.
Jakkumpanja lil Marcolini kien hemm il-midfielder ta’ Reims Teddy Teuma li min-naħa tiegħu sostna li ma kinitx faċli jirkupra mill-injury li kellu iżda jinsab ottimist għall-partita tal-Ġimgħa.
Marcolini sostna li t-tim ħa jipprova jkun aggressiv kemm jista’, iżda mhux dejjem se tkun faċli, anzi t-tim Malti se jkollu mumenti li se jsofri.
Marcolini temm jgħid li t-tim se jkun qed jagħti dak kollu possibli u m’għandnix għalfejn inkunu negattivi u rassenjati li se nitilfu.
Finalment il-kowċ Taljan tat-tim nazzjonali Malti temm jgħid li kuntent li ħa jkollu għad-diżpożizzjoni tiegħu għall-ewwel darba li l-attakant ta’ Floriana Kemar Reid li huwa wieħed mill-aktar plejers ta’ kwalita fil-Kampjonat Premier Malti.
Ritratt: Gabriel Cassar