“Huwa importanti ħafna għalija, għall-mużika tiegħi, u l-istorja tiegħi, li nkanta f’Malta.”
Dan kien is-sentiment li esprima l-kantant Taljan ta’ fama mondjali, Marco Masini, mal-wasla tiegħu f’Malta, hekk kif is-Sibt filgħaxija se jkanta quddiem udjenza numeruża fl-Għaxaq Music Festival, organizzat mill-Għaqda Mużikali, Santa Marija, Ħal Għaxaq.
Fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, l-istilla Taljan, ġie milqugħ minn diversi ammiraturi, li ħafna minnhom kienu qed jistennewh bil-bijografija tiegħu u l-bandiera tal-Fjorentina, proprju it-tim tal-futbol ta’ raħal twelidu.
Masini, qata’ x-xewqa ta’ diversi persuni li laqgħuh, fejn iffirma diversi kotba, u ħa r-ritratti ma’ dawk preżenti.
Din mhix l-ewwel darba li Masini żar pajjiżna.
F’kummenti li ta lil ONE News, huwa qal li jispera li l-prestazzjoni tiegħu, tintlaqa’ tajjeb mill-Maltin.
Qal, “It’s very important to be here, very very important for me, for my music, for my history, and I hope to play good tonight, and sing good for the Maltese people.”
Is-Sibt filgħaxija għall-ħabta tat-tmienja, fl-Għaxaq Grounds, se jingħata bidu għat-tieni jum tal-Għaxaq Music Festival, bil-qofol jintlaħaq bis-sehem ta’ Masini.