Il-President tal-Unjin tal-Għalliema, l-MUT, sejjaħ għal Laqgħa Ġenerali Straordinarja biex jiġi estiż it-terminu tiegħu u tal-Kunsill li jmexxi l-Unjin għal sitt xhur oħra.
Marco Bonnici talab li jibqa’ sitt xhur oħra President tal-MUT fejn fit-talba tiegħu għall-membri tal-unjin qal li jrid ikollu ż-żmien jinnegozja l-ftehim settorali għall-edukaturi.
Suppost elezzjoni għat-tmexxija oħra tal-Unjin hi skedata għal Lulju imma Bonnici talab biex jibqa’ fit-tmexxija sal-aħħar ta’ din is-sena.
Fil-ġimgħat li għaddew, l-MUT ħarġet stqarrija konġunta mal-Ministeru għall-Edukazzjoni fejn saħqet li laħqet ftehim dwar il-ftehim settorjali għall-edukaturi li joffri żidiet u titjib fil-kundizzjonijiet tal-edukaturi.
Fl-aħħar jiem, l-MUT qalet li qed tipposponi l-vot fuq dan il-ftehim filwaqt li l-Ministeru għall-Edukazzjoni bagħat ittra lil kull edukatur fejn ġew spjegati lilhom iż-żidiet u t-titjib fil-kundizzjonijiet fosthom progress aktar mgħaġġel fl-iskali u fil-karriera.