Il-produzzjoni tal-Milied ta’ din is-sena fid-Dar tal-Providenza hija ‘MARĊELLINO ĦOBŻ U NBID’. Dramm bi 3 atti mnebħa mill-film ‘Marcellino Pane e Vino’ maqluba għall-Malti, b’direzzjoni u b’arranġament għal fuq il-palk minn David Muscat.
‘MARĊELLINO ĦOBŻ U NBID’, bis-sehem tar-residenti tad-Dar, ħaddiema u voluntiera, se jsir nhar l-Erbgħa 18 ta’ Diċembru u l-Ħamis 19 ta’ Diċembru fis-7.00pm fis-Sala San Pawl. Il-familjari tar-residenti kif ukoll il-pubbliku huma mistiedna jaraw id-dramm li jieħu madwar siegħa u nofs. Id-dħul huwa b’xejn iżda kull donazzjoni tiġi apprezzata.
F’kumment li għamel, id-direttur tal-produzzjoni David Muscat, qal li l-iskop wara produzzjonijiet teatrali bħal dawn huwa li r-residenti jistghu jesprimu l-ħiliet tagħhom permezz tad-drama. Din is-sena, se jkunu qed jieħdu sehem flimkien mar-residenti l-attur Sandro Vella u Lydon Agius, it-tifel li se jinterpreta l-parti ta’ Marċellino, li rebaħ l-ewwel edizzjoni tal-Malta’s Got Talent.
Dawk interessati huma mitluba jibbukkjaw minn qabel fuq 9945 7784 jew mir-reception tad-Dar tal-Providenza fuq 2146 2844 jew 2146 4915.