Nhar il-Ġimgħa 2 ta’ Ġunju, it-toroq tal-Marsa mistennija jkunu miżgħuda bin-nies għall-aħħar jum tat-Tridu.
Dan qabel il-Marsin ma jiċċelebraw il-Festa Titulari tat-Trinita Qaddisa.
Filwaqt li r-residenti tal-Marsa se jkunu qed jiċċelebraw il-Patruna tagħhom, il-Kummissjoni Trinitarji u s-Soċjetà Mużikali Trinità Qaddisa, għandhom lejl mimli attivitajiet lest għalihom.
Filfatt għall-ħabta tat-tmienja u nofs ta’ filgħaxija se jittella’ marċ mill-isbaħ li se jferraħ it-toroq prinċipali tal-Marsa u jilħaq il-qofol tiegħu fi Triq Balbi.
Hemmhekk imbagħad mistennija titla’ l-vara ta’ Santa Ċeċilja fuq il-gallarija tas-Sede li hija l-patruna tal-mużiċisti.
Iżda dan mhux biss. Mal-mument li l-marċ idoqq l-aħħar nota tiegħu, f’nofsillejl jiskatta x-xow ‘Dancing colours in the sky goes Hollywood’.
Dan ix-xow se jikkonsisti minn spettaklu mill-isbaħ ta’ nar sinkronizzat mal-mużika tal-Versatile Brass Band.