Il-Ħamis li ġej, il-Banda San Gejtanu se tkun qed timla t-toroq Ħamruniżi b’marċ, li permezz tiegħu se tkun qed tiftaħ sena ċelebrazzjonijiet.
Dawn iċ-ċelebrazjonijiet se jfakkru l-ħames ċentinarju mit-twaqqif tal-Ordni tal-Kjeriċi Regolari, magħrufa bħala l-Ordni tat-Teatini, ordni li wieħed mill-fundaturi tagħha kien propju l-Patrun San Gejtanu.
Il-marċ se jibda minn quddiem is-sede tal-Għaqda tal-Mużika San Gejtanu fi Triq il-Kbira fis-7.30 ta’ filgħaxija u jibqa’ għaddej sad-9 ta’ filgħaxija.
Dan il-marċ huwa parti minn kullana ta’ attivitajiet li l-għaqda qiegħda u se tkun qed torganizza.
Dawn l-attivitajiet se jilħqu l-kulminu tagħhom f’Settembru tas-sena d-dieħla meta l-banda, fuq invit mill-Ordni tat-Teatini, se tkun qed takkumpanja l-vara titulari ta’ San Gejtanu fit-toroq ta’ Ruma.
Propju fil-festa li għaddiet, fuq stedina tal-Għaqda tal-Mużika San Gejtanu, kien hawn fost il-komunità Ħamruniża l-Ġeneral tal-istess Ordni, Padrea Salvadore Rodea Gonzales CR.
Il-marċ se jibda minn quddiem il-każin, u se jgħaddi minn Triq id-Duka ta’ Edinburgh, Triq San Gejtanu, Triq Santa Marija Triq il-Kbira, u lura sal-Każin.