Fil-waqfa mill-kampjonati domestiċi għall-partiti tat-tim nazzjonali, iċ-Ċentru tar-Refereeing tal-Malta Football Association stieden f’Malta il-Viċi-Chairman tal-UEFA Referees’ Committee u Refereeing Officer tal-UEFA, Marc Batta, biex imexxi s-seminar ta’ jumejn immirat lejn uffiċjali u referee observers tal-kategorija elite.
Konformi mal-istrateġija tal-UEFA biex il-football jitwassal ukoll f’reġjuni ‘l barra miċ-ċentru, l-ewwel jum tas-seminar kien fil-Gozo Stadium fejn saret sessjoni prattika, intwerew azzjonijiet minn logħbiet, u l-parteċipanti osservaw partita mill-Ewwel Diviżjoni tal-GFA (li kellha tiġi abbandunata ftit qabel tmiem l-ewwel taqsima kawża tal-maltemp qawwi li ħakem il-gżejjer Maltin).Il-jum ta’ wara, il-parteċipanti kollha ħadu sehem f’sessjoni prattika innovattiva fis-Centenary Stadium, li matulha referees u assistenti referees kollha jiġru fi gruppi ta’ tlieta minn penalty area sa oħra, janalizzaw azzjoni qasira u fil-pront jieħdu d-deċiżjoni qabel ma’ jiġru lura minn fejn ġew u jirrepetu l-eżerċizzju.
L-aħħar sessjoni kienet dwar xogħol fi gruppi u diskussjoni, marbuta mat-tema importanti ta’ teamwork u komunikazzjoni bejn l-uffiċjali tal-logħba meta jiġu biex jieħdu deċiżjonijiet kruċjali waqt partita.
Fl-għeluq tas-seminar, id-Direttur tar-Refereeing tal-MFA Kevin Azzopardi irringrazzja lil Marc Batta li aċċetta jiġi Malta għat-tielet darba f’sentejn, li jikkonferma l-istima li jgawdi ċ-Ċentru tar-Refereeing tal-Malta FA mal-ogħla awtoritajiet tad-Dipartiment tar-Refereeing tal-UEFA. Min-naħa tiegħu, Marc Batta ħeġġeġ lill-uffiċjali kollha biex ikompli jaħdmu b’dedikazzjoni billi jagħtu każ il-pariri mogħtija f’okkażjonijiet bħal dawn, għax fil-livell elite, huwa d-dettall żgħir li jagħmel id-differenza kollha.