Fl-aħħar xhur one.com.mt, ta vuċi lil numru ta’ annimali li sfaw abbużati mill-bniedem, iżda sal-lum il-ġurnata għadna qed naraw każijiet ta’ klieb, qtates u annimali oħra li jispiċċaw suġġett għall-abbuż. L-Assoċjazzjoni għall-annimali abbandunati (AAA) sabet kelb ieħor fi stat ta’ negliġenza, kelb li kien qed jinżamm marbut għal 24 siegħa, sebat ijiem fil-ġimgħa.
Dan il-kelb ma kienx qed jingħata ikel, filfatt il-volontiera spjegaw li minn meta sabuh huwa ma waqafx jiekol u jfittex l-ikel. Ir-ritratti propju juru li l-kelb huwa rqiq ħafna.
Il-kelb kellu ukoll numru ta’ feriti fil-ġenbejn tal-kelb li għalihom il-kelb ma ngħata l-ebda kura. Il-volontiera spjegaw li l-veterinarju se jkun qed jagħmel it-testijiet mediċi neċċessarji għaliex jemmen li l-istat li fih tħalla dan il-kelb jista’ jkun li affetwalu l-pulmun u l-fwied.
L-għan tal-AAA issa huwa wieħed, li dan il-kelb qatt ma jerġa’ jinżamm marbut u li jfieq biex ikun jista’ jsib familja fejn jgħix u jingħata l-ħajja li tixraqlu.