F’atmosfera ta’ festa, fit-Teatru Blue Arena fil-Każin tas-Soċjetà Filarmonika Maria Mater Gratiae f’Ħaż-Żabbar għaddejja maratona biex tinħoloq l-itwal liedna li qatt eżistiet.
Il-partitarji ta’ din is-soċjetà qed jipprovaw jiksru r-rekord nazzjonali biex ukoll jiżdied ma’ tlieta oħrajn li diġà għandhom fuq isimhom.
Waqt il-ftuħ ta’ din il-maratona, il-Ħamis filgħaxija, il-membri “Baqristi” sellmu l-memorja taż-żagħżugħ u partitarju Nigel Mugliett, li ħalla din id-dinja fil-jiem li għaddew, b’mument ta’ silenzju fil-bidu tagħha.
F’kummenti li tana l-President tas-Soċjetà, Mario Aquilina, semma li dan ir-rekord tal-liedna, li jrid jintlaħaq sal-Ħadd li ġej f’ħidma ta’ madwar 77 siegħa, trid tinħoloq biċċa xogħol twila ftit inqas minn 400 metru b’kollox.
Il-liedna, li tagħmel parti intrinsika mill-armar tal-festi tradizzjonali Maltin, flimkien mal-fustuni u l-pavaljuni, fost oħrajn, hi wkoll meqjusa bħala armar rikk li naraw fit-toroq tal-ibliet u l-irħula tagħna mferrxin fuq perjodu ta’ diversi xhur.
Is-Sindku ta’ Ħaż-Żabbar, Jorge Grech, qal li din il-ħidma tkompli ġġib atmosfera ferriħija fil-komunità, bir-riżultat minnha jkun qed jitgawda fil-jiem tal-Festa tal-Madonna tal-Grazzja f’Settembru li ġej.
Qal kif dan l-impenn jgħaqqad diversi persuni u voluntieri fil-lokalità.
Tkellimna wkoll ma’ Jeffrey Saliba minn Malta Records ta d-dettalji dwar it-tentattiv miż-Żabbarin.
“Aħna, bħala Malta Records, it-tir tagħna hu li nippromwovu l-kultura u l-festi. Dan ir-rekord hu ksur ta’ rekord fuq erba’ linji u fihom irid isir rekord ta’ inqas minn 77 siegħa u r-rekord preċedenti kien ta’ 385 metri u 10 ċentimenti. U, allura, it-tentattiv hu li jissuperaw dan l-ammont ta’ liedna sal-Ħadd li ġej.”
Jeffrey Saliba, Malta Records