Bejn is-Sibt 29 u l-Ħadd 30 ta’ Otubbru se tiġi organizzata maratona ta’ 24 siegħa waterpolo bil-għan li jinġabru fondi b’risq Special Olympics Malta. Il-maratona se ssir fil-pitch tan-Neptunes il-Balluta.
Matul dawn l-24 siegħa se jkun għaddej logħob kontinwu ta’ waterpolo minn bosta plejers ta’ kull eta’. Il-klabbs kollha tal-waterpolo lokali ikkonfermaw il-preżenza tagħhom f’din il-maratona.
L-attivita’ tibda s-Sibt f’nofs-in nhar u tintemm l-għada l-Ħadd fl-istess ħin.
Filwaqt li fil-pixxina se jkun għaddej il-logħob, mal-madwar se jkun hemm bosta attivitajiet ta’ divertiment u anke spettaklu. Il-pubbliku hu mħeġġeġ sabiex jattendi u jagħti l-kontribut tiegħu bil-għan li jgħin lil Special Olympics fil-ħidma tagħha.
B’rabta mal-maratona tal-waterpolo, fis-27 ta’ Ottubru se ssir ukoll ‘Gala Night’ fil-Westin Dragonara Resort.
Għal aktar tagħrif wieħed jista’ jidħol fil-paġna ta’ facebook bl-isem ‘The Waterpolo Marathon in aid of Special Olympics Malta’.