Il-ħmistax-il edizzjoni tal-Maratona Oħloq Tbissima bdiet illum f’nofsinhar u tibqa’ sejra bla waqfien sa nhar il-Ħadd 16 ta’ Lulju f’nofsillejl
Għall-ftuħ, rajna żifna minn grupp numeruż ta’ tfal minn Keith Dance Studio. Imbagħad Marthese Brincat laqgħet lil Fr. Louis Mallia mssp, Direttur tad-Dar ta’ San Ġużepp kif ukoll Direttur ta’ Ċentru Animazzjoni Missjunarja (ĊAM) u ĊAM Productions international (ĊPi). Laqgħet ukoll lil Fr. Frankie Cini mssp, Superjur Reġjonali tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl, U L-Eċċellenza tagħha l-President ta’ Malta, s-Sinjura Marie Louise Coleira Preca. Hija stednithom jagħtu l-indirizz tagħhom.
Fr. Louis Mallia, filwaqt li ta merħba lil dawk kollha preżenti, qal li jara tlett pilastri f’din il-Maratona, il- ġenerożita’ tal-voluntiera, il-ġenerożita’ ta’ min iċempel u jagħti l-kontribut tiegħu u l-id t’Alla li tagħmel dan kollu possibbli. Huwa rrefera għall-ġenerożità tal-poplu li tul dawn l-aħħar ħmistax il-sena sostniet il-missjonijiet ta’ din is-Soċjeta. Irrefera wkoll għal Patri Ġorġ, missjunarju mdaħħal sew fiż-żmien, li flimkien mal-missjunarji l-oħra ilu snin twal jaħdem bla heda u ra komunitajiet sħaħ jibdew mix-xejn. Il-ħlewwa u l-enerġija ta’ nies bħal Patri Ġorġ jgħinu biex jitwettaq dal-ġid kollu.
Minn naħa tiegħu, Fr. Frankie qal li Fr Alex li jqiegħed fil-missjoni jgħidlu li li bħala parroċċa bdew telgħin ‘l fuq skont il-bżonn. Is-sodisfazzjon ta’ Fr. Alex hu li daż-żmien in-nies saru jafdawhom għax jafu li qegħdin hemm għalihom. Fr. Frankie kompla biex jgħid li din il-maratona tgħin ukoll lid-Dar ta’ San Ġużepp. Huwa żied jgħid li din id-Dar hija l-wiċċ Malti ta’ din il-Maratona .
L-Eċċellenza tagħha s-Sinjura Marie Louise Coleiro Preca kompliet fuq dak li kien intqal qabel u qalet li temmen li hemm sinerġija sħiħa bejn il-Maltin u l-Patrijiet fil-Peru u l-Id t’Alla. Din il-kampanja sena wara l-oħra tibqa ssir u tibqa tagħti l-ġid u l-id t’Alla tibqa taħdem. B’referenza għad-Dar ta’ San Ġużepp hija qalet li dejjem tara żvilupp kemm fil-post imma anke fit-tfal. Kompliet tgħid li l-umanita’ kollha għandha tinteressana u Oħloq Tbissima twasslilna propju dan.
Fr. Karm akkumpanjat minn Jasmine Abela kanta l-kanzunetta Oħloq Tbissima din is-sena wkoll b’arranġament mużikali ġdid.
Il-programm varjat se jibqa’ sejjer bla waqfien sa nhar il-Ħadd f’nofsillejl.
Il-Pubbliku huwa mħeġġeġ biex jipparteċipa f’din il-Maratona, billi jżur l-attivita’ f’Santa Venera u jagħti d-donazzjoni tiegħu.
Is-60 siegħa tal-maratona ser ikunu qed jixxandru fuq TVM2 b’kollegamenti ma’ NET TV, ONE TV u TVM. Ta’ minisemmi wkoll li din il-Maratona ser tkun kollha kemm hi streamed live fuq il-website ta’ CAM Productions international: www.camcpi.org
Min jixtieq jagħtii d-donazzjoni tiegħu jista’ jagħtmel dan billi jċempel fuq:
€10 51602004
€15 51702007
€25 51802009
SMS €4.66 50618099