Il-Fondazzjoni Nazareth xprunata mill-ħidma tal-fundatur tagħha Dun Anġ Seychell, ser tkun qed tiftaħ dar ġdida għall-nies b’diżabilità. Din id-dar ser tkun qed tospità 12-il resident.
Din id-dar, li ser tingħata l-isem ta’ “San Franġisk”, bdiet tinbena propju f’Ġunju li għadda fiż-Żejtun u mistennija li titlesta fi Frar li ġej.
Crew ta’ ONE News, żar lil Dun Anġ Seychell, fejn hemmhekk tkellem magħna dwar l-importanza tal-maratona li ser issir nhar il-Ħadd li ġej.
Maratona li hija kruċjali sabiex din id-dar tiftaħ il-bibien tagħha.
Fost affarijiet oħrajn Dun Anġ Seychell spjegalna li din id-dar ingħatat b’donazzjoni lill-Fondazzjoni Nazzareth minn Dun Frans Mifsud u oħtu Mary Russel.
Qal, “L-iskop ta’ din id-dar hija l-iskop li dejjem kellna li meta il-persuni b’diżabilità ma’ jistgħux jiġu mogħtija kura minn ommhom u missierhom jew għax mietu jew għax ma jifilħux aktar iduru bihom aħna lesti li nilqawhom għandna f’dawn id-djar tagħna.”
Dun Anġ huwa saċerdot miż-Żejtun li matul ħajtu dejjem ra kif se jagħmel sabiex jgħin lil persuni b’diżabilità.
Hu qalilna li hu jinsab ferm kuntent li ddedika ħajtu għal nies b’diżabilità u li llum il-ġurnata jgħix magħhom. Finalment, tenna l-għan tiegħu hu li jkompli jgħin u jagħti ħajja sabiħa lil dawn in-nies.
Stqarr, “L-għan tiegħi hu li l-persuni b’diżabilità igawdu ħajja ordinarja, ħajja ta’ hena sewwa, dak li kienu jieħdu. Dak li kienu jieħdu mingħand ommhom u missierhom u forsi issa ma jistgħux jiqgħu jeħduhom mingħandhom jiena lest li jiena u sħabi nagħtuhom l-istess ħajja ħienja li għandhom dritt għaliha.”