Għaddejjin l-aħħar preparamenti sabiex nhar il-Ħadd li ġej il-Partit Laburista jtella’ l-maratona ġbir ta’ fondi li ssir kull sena f’Diċembru.
Il-maratona ġbir ta’ fondi għandha għaddejja ġurnata sħiħa, b’bosta attivitajiet għall-familji Maltin u Għawdxin.
Fuq is-sett mnejn se tiġi mxandra din l-attività fuq dan l-istazzjon, il-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista George Azzopardi spjega wieħed x’mistenni jara l-Ħadd li ġej.
“Għaddejjin bl-aħħar preparamenti biex nhar il-Ħadd ikollna Maratona li tibda f’nofshinar u tibqa’ sejra sal-ħdax ta’ filgħaxija. Ser inkunu qed nużaw dan l-istudio kif għamilna s-soltu u ser ikollna villaġġ tal-Milied barra. Nistiednu lil dawk li jixtiequ jingħaqdu magħna u jgawdu l-villaġġ u fl-istess ħin l-attivita se tkun qed tixxandar kollha minn hawn ġew u hawn se jkun hemm transmissjoni diretta fuq l-istazzjonijiet ONE.”
Il-messaġġ tal-Partit Laburista huwa kif il-poplu Malti jaf li għal kull ewro li jinvesti fil-Partit Laburista, dan imbagħad iroddu lura b’viżjoni għall-pajjiż.
Hawnhekk ukoll, George Azzopardi wassal l l-appell tiegħu.
“L-appell tagħna lil dawk li qed jisimgħuna biex nhar il-Ħadd jagħtu l-kontribuzzjoni tagħhom u jistgħu jiġu hawnhekk, u nirringrazzjawhom bil-quddiem tal-kontribuzzjoni tagħhom għall-PL.”