Għaddejjin l-aħħar tħejjijiet għall-maratona ġbir ta’ fondi tal-Partit Laburista, nhar il-Ħadd tlettax ta’ Ġunju.
Il-maratona ta’ ħdax-il siegħa bit-tema “Ninvestu fin-Nies”, bdiet bis-sehem ta’ membri tal-amministrazzjoni tal-Partit li fl-aħħar ġimgħat marru għand in-nies f’diversi lokalitajiet u bdew jinġabru d-donazzjonijiet.
Id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit, Daniel Micallef innota kif Gvern Laburista mexxa b’għaqal fi żmien ta’ sfidi bla preċedent.
“Proprju l-Partit Laburista, kemm fix-xhur li għaddew minkejja li l-pandemija tat daqqa lill-programm t’attivitajiet li kellna ppjanati imma issa fil-ġimgħat li ġejjin, il-Partit Laburista ser ikun qed jieħu diversi inizjattivi friski, ġodda politiċi.”
Id-Deputat Mexxej appella għall-għajnuna tal-pubbliku fil-ġbir ta’ fondi, għaliex huwa l-ftit mingħand il-ħafna li jżomm lill-Partit għaddej.
“Għalhekk is-sostenn tan-nies tal-partitarji, ta’ min qed isegwina, tal-poplu Malti u Għawdxi huwa ferm apprezzat. U għalhekk nieħu din l-okkażżjoni sabiex napella lil kull min jixtieq u jista’ jgħin il-Partit Laburista, kull kontribuzzjoni finanzjarja hija apprezzata filwaqt li nirringrazzja bil-quddiem kemm lil dawk li diġà taw id-donazzjoni lill-kolletturi u lill-attivisti tal-Partit li qed iħabbtu bieb bieb li minn hawn nirringrazzjhom kif ukoll dawk li ser ikunu qed jikontribwixxu għada matul il-maratona.”