Mara ndarbet gravi u tlett itfal ħafif f’inċident tat-traffiku fin-Naxxar.
Il-każ seħħ ilbieraħ, għall-ħabta tas-siegħa ta’ waranofsinhar fi Triq is-Salina.
Il-Pulizija marret mill-ewwel fuq il-post u minn stħarriġ preliminari li sar irriżulta li seħħet ħabta bejn Peugeot 108 misjuqa minn mara ta’ 28 sena residenti Ħal Għargħur u Ford Fusion misjuqa minn raġel ta’ 67 sena residenti Tas-Sliema.
Fil-Peugeot, kien hemm ukoll tarbija ta’ 4 xhur.
Involuti fl-inċident kien hemm ukoll żewġ nisa ta’ 62 sena u 35 sena, minn Tas-Sliema, tifel ta’ 6 snin u tifla ta’ sentejn, li kienu passiġġiera fil-Ford.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku u ambulanzi ħadu l-persuni li kienu fil-Peugeot, iż-żewġt itfal u l-mara ta’ 62 sena l-Isptar Mater Dei għall-aktar assistenza medika. Aktar tard, il-mara ta’ 62 sena ġiet iċċertifikata li weġġgħet gravi, it-tlett itfal ġew iċċertifikati li weġġgħu ħafif filwaqt li l-kundizzjoni tal-mara ta’ 28 sena għadha mhix magħrufa.
Membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kienu wkoll fuq il-post sabiex jassistu.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.