Raġel ta’ ħamsa u tletin sena u mara ta’ tmienja u għoxrin sena, it-tnejn miż-Żurrieq, ġew arrestati mill-Pulizija tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga b’rabta ma’ importazzjoni ta’ ammont kbir ta’ droga.
Wara jiem ta’ osservazzjoni u investigazzjoni fuqhom fuq suspett ta’ użu tad-droga, ilbieraħ il-Pulizija ġiet infurmata mid-Dipartiment tad-Dwana li nterċettat pakkett suspettuż indirizzat lilhom.
Il-pakkett ġie segwit mill-Pulizija sar-residenza fiż-Żurrieq fejn instab li kien fih mal-kilogramma sustanza aktarx droga sintetika.
Fi tfittxija li saret fir-residenza, instabet aktar sustanza allegatament kokaina u eroina.
Quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli, l-akkużati wieġbu mhux ħatja u nħelsu mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet.